Lokali Qorti

Ħaddiem tal-Enemalta viċin ħafna ta’ Konrad Mizzi se jiffaċja akkużi differenti u anqas gravi

Ħaddiem tal-Enemalta, li allegatament seraq mijiet ta’ ewro f’elettriku, mhux se jkun qed jiffaċja l-istess akkużi bħall-ħaddiema l-oħrajn li wettqu reati simili fl-aħħar snin.

Louis Attard, li hu Uffiċjal “viċin ħafna” tal-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi, tressaq il-ġimgħa li għaddiet akkużat fost l-oħrajn b’serq ta’ €2,329 f’dawl mid-dar tiegħu fil-Mosta. Madankollu, fl-akkużi l-Prosekuzzjoni ma nkludietx il-fatt li wettaq dan ir-reat fil-kariga tiegħu ta’ Uffiċjal Pubbliku.

Għaldaqstant, Louis Attard se jkun qed jiffaċja akkużi differenti u anqas gravi minn dawk li qed jiffaċjaw kollegi tiegħu, li allegatament wettqu reati simili ta’ serq ta’ dawl u tixħim.

F’kummenti li għadda dalgħodu waqt il-Breakfast News ta’ Radio 101, id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino sostna li “xi ħadd irid iwiegeb” għal dan kollu. Id-Deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar din l-istorja waqt konferenza tal-ahbarijiet li saret wara nofsinhar, fejn poġġa serje ta’ domandi.

George Pullicino staqsa fost l-oħrajn jekk il-Ministru Mizzi jafx li saret preferenza ma’ Attard u li b’hekk, jekk jinstab ħati, jeħles sew mill-piena li kieku kien jeħel. Staqsa wkoll għaliex il-Prosekuzzjoni trattat lil Attard bħala biss konsumatur u mhux Uffiċjal Għoli, kif ukoll min ħa d-deċiżjoni li ma jitressaqx b’reat aggravat, jew jekk kienx hemm pressjoni u minn min saret biex ittieħdet din id-deċiżjoni.

Id-Depuatat Nazzjonalista temm jistaqsi jekk dan hux każ ieħor ta’ korruzzjoni, f’qasam li jaqa’ direttament taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Konrad Mizzi stess.