L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji qed tinvestiga rapporti li waslulha mingħand għadd ta’ Maltin li kellhom flushom investiti ma’ Crystal Finance Investiments u issa skoprew li dawn il-flus sfumaw fix-xejn…
Fl-aħħar jiem għadd ġmielu ta’ Maltin skoprew li investimenti – kbar jew mhux daqstant kbar – li huma għamlu ma’ Crystal Finance Investments marru żmerċ u sgarraw waħda sew bir-riżultat li dak li kienu faddlu matul is-snin marrilhom il-baħar.
Rapporti li waslu għand In-Nazzjon jgħidu li matul il-jiem li għaddew għadd ta’ Maltin mhux biss skoprew fortuna ħażina għalihom għax tilfu flus li kellhom investiti ma’ Crystal Finance Investments, iżda issa rrikorrew għand l-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji biex tinvestiga l-każ imressaq minnhom.
Irrabjati. diżappuntati u diżillużi b’din is-sitwazzjoni, uħud minn dawn il-persuni tkellmu ma’ In-Nazzjon u fissrulna fid-dettall din l-esperjenza li għaddejjin minnha u talbuna noħorġu fil-beraħ dan il-falliment għax donnu għal xi raġuni jew oħra kulħadd qiegħed joqgħod lura jew jibża’ jitkellem dwar it-telfien ta’ dawn l-investimenti.
“Dawn huma affarijiet li jolqtu direttament lil kulħadd, iżda għal xi raġuni jew oħra bħal donnu kulħadd jibża’ jagħmel l-ewwel pass u jitkellem… wara kollox dawn mhux flusna… għaliex niddejqu nitkellmu,” qalilna negozjant li kellu flus investiti għand Crystal Finance Investments li hu maħruq u urtat li x’aktarx tilef l-investiment kollu li kellu.
Minn investigazzjonijiet li għamilt f’dawn il-jiem – anki billi tkellimt ma’ numru ta’ persuni esperti għax nistqarr il-verità li dan is-settur finanzjarju mhux l-aqwa settur tiegħi – jirriżulta li aktar minn 150 Malti li kienu investew flushom ma’ Crystal Finance Investments. Dawn l-investimenti saru matul is-snin li għaddew, iżda issa f’daqqa waħda f’dawn l-aħħar jiem dawn l-investituri skoprew li dak kollu li kienu faddlu sarilhom suf.
Dan ifisser li dawk il-Maltin li fl-aħħar xhur u snin kienu poġġew flushom f’investimenti mmexxija minn Crystal Finance Investments issa irrealizzaw li għandhom problema inkwetanti ħafna għax il-flus li kellhom intilfu.
Jirriżulta li l-ilmenti ta’ dawn il-Maltin tressaq formalment quddiem l-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji biex hekk din tibda investigazzjoni immedjata bit-tama li dawn il-persuni jsalvaw, jekk mhux kollox, tal-inqas parti mill-flus investiti minnhom. Nifhmu li l-ammonti involuti jlaħħqu l-miljuni ta’ ewro.
Il-flus li dawn iċ-ċittadini Maltin kienu faddlu matul iż-żmien bil-ħidma tagħhom ġew fdati lil Crystal Finance Investments. F’riklami ta’ din il-kumpanija, jissemma li jingħata imgħax ta’ 5.75% fis-sena f’hekk imsejjaħ Euro Bond Portfolio.
Dawk li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li wkoll li kienu offruti investimenti li jħallsu 4% fis-sena. Jidher li l-flus ta’ dawn il-Maltin kienu jitpoġġew ġo basket ta’ bonds varji imma l-klijent dejjem jirċievi l-istess imgħax.
Fis-sit elettroniku tal-istess kumpanija, wieħed isib nota li l-investiment oriġinali mhux garantit u li kollox jiddependi minn jekk il-kumpaniji involuti jfallux jew le.
Xi klijenti indunaw li hemm problemi permezz tal-internet. Fost l-prodotti finanzjarji li fihom ġew investiti flushom minn Crystal Finance Investments, insibu kumpaniji bħal ‘Rena’ u ‘Mox Telecom’.
Il-bond ta’ ‘Rena’ kien jiswa madwar 102 f’Diċembru 2013 u issa ma jiswa kważi xejn hekk kif il-kumpanija jidher li falliet.
Il-kumpanija ‘Mox Telecom’ li kellha l-ishma jiswew 5.60 ewro f’Lulju, issa ma saru jiswew prattikament xejn.
Klijenti li tilfu flushom kollha tkellmu magħna dwar id-diżappunt tagħhom li minkejja li dawn l-investimenti ilhom issa xhur li marru l-baħar huma kienu infurmati b’dan mill-kumpanija Crystal Finance Investments fl-aħħar jiem hekk kif bdiet tinxtered il-kelma.
Crystal Finance Investments għandha bħalaChairman tagħha lil Alfred Mifsud. Fost id-diretturi ta’ din il-kumpanija ta’ investimenti, wieħed isib lil Claire Gauci Borda, it-tifla tal-eks Kummissarju Ewropew, John Dalli. Din ġiet appuntata direttur ftit jiem qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Alfred Mifsud fil-passat serva bħala Chairman tas-Super One u okkupa diversi pożizzjonijiet fi ħdan il-Partit Laburista. Barra minhekk, kien hemm żmien meta l-Prim Ministru Joseph Muscat ukoll kien jaħdem bħala Salesman mal-kumpanija mmexxija mill-eks Chairman tas-Super One.
F’Ottubru 2013, Alfred Mifsud kien akkumpanja lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li taħtu hija ir-responsabiltà tal-Awtorita Maltija tal-Finanzi, għal laqgħa tal-Bank Dinji f’Washington bħala konsulent finanzjarju tal-Gvern.
Kien kwotat ukoll li jgħid li lest jikkunsidra l-pożizzjoni ta’ Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jekk tiġi offruta lilu minn Joseph Muscat.
Ħu Alfred Mifsud huwa Tarcisio Mifsud li jinsab involut fil-kawża li għaddejja bħalissa fil-Qorti dwar l-iskandlu taż-żejt. Alfred Mifsud kien ukoll Chairman tal-Mid Med Bank fi żmien il-Gvern Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998.
Fid-19 ta’ Settembru 2012, f’attività tal-Partit Laburista, Alfred Mifsud kien stqarr li l-pajjiż miexi ‘l quddiem bis-saħħa tal-ħidma taċ-ċittadini u mhux grazzi għall-politika ta’ Gvern Nazzjonalista. Klijenti ta’ Crystal Finance Investments ftakru f’dan il-kumment b’mod ironiku issa li huma tilfu kollox u ġew lampa stampa.
Mis-sit elettroniku tal-kumpanija jidher li Crystal Finance Investments titlob ħlas ta’ massimu ta’ 2% talli tagħtik parir u ħlas ta’ 5 ewro talli tibagħtlek l-interessi.
L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji qed tinvestiga rapporti li waslulha mingħand għadd ta’ Maltin li kellhom flushom investiti ma’ Crystal Finance Investiments u issa skoprew li dawn il-flus sfumaw fix-xejn…
Fl-aħħar jiem għadd ġmielu ta’ Maltin skoprew li investimenti – kbar jew mhux daqstant kbar – li huma għamlu ma’ Crystal Finance Investments marru żmerċ u sgarraw waħda sew bir-riżultat li dak li kienu faddlu matul is-snin marrilhom il-baħar.
Crystal Finance Investments tikkonferma
Il-kumpanija Crystal Finance fi stqarrija kkonfermat li hemm “klijenti involuti f’xi telf” ta’ flus li ġew investiti magħhom. Dan wara rapport investigattiv li ġie ppubblikat illum fil-ħarġa tal-ġurnal In-Nazzjon.
Crystal Finance qalet li tat parir lill-klijenti li jikkonsultaw mal-MFSA sabiex jaraw x’inhuma d-drittijiet tagħhom. Il-kumpanija fl-istqarrija qalet ukoll li qed tikkopera mal-awtoritajiet “kif titlob l-etika u l-liġi”.
Fl-istqarrija l-kumpanija insistiet li huwa inevitabbli li kultant xi investiment ma jmurx kif mistenni.
Aktar servizzi pprovduti mill-Crystal Finance fallew
Sadanittant, MaltaRightNow.com jinsab infurmat li aktar servizzi pprovduti minn Crystal Finance Investments fallew. Dan sar magħruf minn numru ta’ klijenti li qed jagħmlu kuntatt mal-Kamra tal-Aħbarijiet wara r-rapporti li dehru f’In-Nazzjon
//= $special ?>