Maria Catherine Dalli, l-anzjana li t-Tlieta li għadda nstabet mejta fir-residenza tagħha fi Triq id-Dar ta’ Pultu f’Birżebbuġa kellha lil ħuha jgħix bieb ma’ bieb. MaltaRightNow.com jista’ jiżvela li fil-fatt, ir-residenza tal-anzjana kienet mikrija mingħand ħuha stess. L-informazzjoni li għandna tgħid li ħu l-anzjani, ra l-aħħar lil Maria Catherine erba’ xhur ilu iżda xorta qatt ma sar rapport lill-Pulizija għan-nuqqas tagħha.
MaltaRightNow.com jinsab infurmat li t-Tlieta li għadda l-Pulizija rċeviet rapport mingħand ġar ieħor tal-mara, li nnota li f’wieħed mill-ventilaturi tad-dar tal-anzjana kien hemm diversi dubbien. Jirriżulta li l-ġar li għamel ir-rapport kienu ilu ma jara lill-anzjana għal madwar sitt xhur.
Maria Catherine, li kellha 64 sena u li kienet tbati mid-dimensja, instabet mill-Pulizija mejta wiċċha ‘l fuq mal-art qrib is-sodda. Is-sorsi li tkellmu magħna kkonfermaw ukoll li l-istat tal-katavru kien “agħar minn dekompost”, hekk kif ninsabu nfurmati li partijiet minnu kien saħansitra bl-għadam jidher.
L-informazzjoni li għandna tgħid ukoll li fl-aħħar xhur l-anzjana ma kelliex appuntamenti skedati fl-Isptar Mater Dei, tant li l-aħħar darba li ddaħlet fid-Dipartiment tal-Emerġenza kien fl-aħħar ta’ Frar li għadda. Min-naħa l-oħra, fl-aħħar xhur Maria Catherine kellha persuna li kienet tgħinha f’dak kollu li kellha bżonn u li xi kultant kien anke jorqod id-dar biex f’kaz li jkollha bżonn ta’ xi assistenza, jagħtiha l-ewwel għajnuna fil-pront.
Hu mifhum li l-Pulizija se tkun qed titkellem ma’ din il-persuna biex tipprova tikseb aktar informazzjoni dwar il-fatt li ħadd baqa’ ma nduna bl-għajbien tal-anzjana. Dan hekk kif wara li żgassaw il-bieb tar-residenza, il-Pulizija jidher li ma sabet l-ebda sinjali suspettużi.
//= $special ?>