Lokali Parlament

Il-Kummissjoni Elettorali għandha tħares li l-andament tal-elezzjonijiet ikun aħjar

… u m’għandhix tkun hi li tirregola l-finanzjament tal-partiti

Fil-kuntest tal-poteri li l-Gvern qed jipproponi li tingħata lill-Kummissjoni Elettorali, bħalma hu l-kontroll tal-finanzi tal-partiti fil-proposti li qed jagħmel dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea qal li l-Kummissjoni Elettorali, m’għandix tkun hi li tara l-affarijiet ta’ kuljum tal-partiti, iżda għandha tħares bis-serjetà li l-andament tal-elezzjonijiet ikun aħjar, bħalma hu t-twassil tad-dokumenti tal-voti li m’għandhomx jibqgħu iwassluhom il-Pulizija.

Meta tkellem fil-Parlament fid-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jirregola l-finanzjament tal-partiti, Ċensu Galea staqsa jekk għadux jagħmel sens li persuna tista’ tilqa’ d-dokumenti tal-voti tal-membri tal-familja kollha, iżda l-istess persuna ma tistax tiġbor hi d-dokumenti mill-għasses tal-puliizja, u d-diffikultajiet jikbru meta d-dokument imbagħad jibqa’ fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali.

Ippropona li għandha tkun il-Kummissjoni Elettorali li tassigura li d-dokumenti jitwasslu għand l-elettorat, biex imbagħad jagħmel l-għażla l-individwu jekk imurx jivvota jew le.
Fisser li partit politiku li jrid iwassal il-messaġġ politiku tiegħu għandu bżonn ukoll il-finanzi. Iżda l-modi li wasal għalihom il-Gvern Laburista biex jgħin lill-partit tiegħu, żgur li ma kinux l-aħjar meta uża l-liġi tar-rekwiżizzjoni biex ittieħdet proprjetà privata u dik pubblika li għadu jgawdi sal-lum.

Irrifera wkoll għal aspett fl-abbozz ta’ liġi marbut ma’ kemm kandidat jista’ jagħmel spejjeż għall-elezzjonijiet li jkun qed jikkontesta. Appella biex il-liġi tkun aktar ċara biex ikun assigurat li dak l-ammont ta’ nefqa dikjarat ikun korrett, u biex ikun iċċarat liema hu l-perjodu li jistgħu jintefqu l-flus mill-kandidat. Talab ukoll kjarifika jekk l-ammont japplikax l-istess jekk kandidat jikkontesta f’aktar minn distrett wieħed.

B’rabta mal-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali, Ċensu Galea qal li jrid ikun hemm kriterji oħra u differenti meta nafu wkoll li l-lokalitajiet huma differenti fid-daqs u fin-numru ta’ votanti, u għaldaqstant għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-popolazzjoni tal-lokalitajiet.
Ċensu Galea irrefera wkoll għal dak li jiġri f’kampanja elettorali, meta jkun hemm attakki fuq il-kandidati b’allegazzjonijiet u tfigħ ta’ tajn.

Jemmen li wasal iż-żmien li fil-libelli jkun hemm termini ta’ żmien ta’ meta jistgħu jinqatgħu, u appella għal rimedju mmedjat fuq perjodu qasir ta’ żmien, għax fisser li min jallega għandu jkun fil-pront jissostanzja dak li jgħid.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni qed tagħmilha ċara li hi favur is-sustanza tal-liġi, mhix qed taqbel fuq punti importanti b’rabta mal-vantaġġ li għandu l-Partit Laburista bin-numru kbir ta’ każini li ħa b’abbuż b’ordnijiet ta’ rekwiżizzjoni, u li l-partiti għandhom ikun finanzjati wkoll mill-istat għal aktar tisħiħ tad-demokrazija u aktar trasparenza.