Lokali Parlament

Il-Ministru Refalo jkompli jittratieni biex jgħid x’nefaq f’safar

Il-Ministru Bartolo jonfoq aktar minn €54,000 f’16-il safra, bl-akbar nefqa fiċ-Ċina fejn kien akkumpanjat minn Reno Calleja

In-nuqqas ta’ qbil, għalkemm fil-bidu ħadu l-istess pożizzjoni, bejn il-Ministru Evarist Bartolo u l-Ministru Anton Refalo li fl-ewwel tweġibiet tagħhom ma tawx informazzjoni dwar nefqiet li saru f’safar minn kemm ilhom fil-kariga ta’ Ministru fl-aħħar sena u nofs, kompla bil-Ministru Evarist Bartolo jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-nefqa li għamel f’safar, u l-Ministru Anton Refalo jibqa’ jittratieni biex jagħti l-informazzjoni mitluba mill-Oppożizzjoni fil-Parlament.

In-nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ Ministri kien evidenti fis-seduta tal-Parlament nhar it-Tlieta li għaddew fil-Parlament, meta fil-ħin tal-mistoqsijiet il-Ministru Refalo baqa’ jirrifjuta, anke meta mistoqsi mill-Oppożizzjoni jgħid ir-raġunijiet wara din ir-reżistenza. It-tweġiba tal-Ministru Refalo baqgħet dik li jitlob lill-Oppożizzjoni jagħmliu mistoqsijiet bil-miktub, anke għas-sempliċi mistoqsija dwar jekk jiftakarx jekk sifirx fuq xogħol tal-Gvern kemm ilu Ministru.

Iffaċċjat fil-Parlament jispjega għaliex il-Ministru Bartolo wkoll ma kienx ta l-informazzjoni mitluba mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, dwar infiq f’safar, il-Ministru Bartolo qal li ma kienx ra l-mod kif kienet twieġbet il-mistoqsija, u li se jkun qed jagħti d-dettalji dwar l-infiq li sar f’safar f’delegazzjonijiet li mexxa hu minn Marzu tal-2013 sal-lum.

Mill-informazzjoni li l-Ministru Bartolo poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-għada tal-inċident fil-Parlament bejn iż-żewġ Ministri tal-Gvern ta’ Muscat, jirriżulta li n-nefqa f’safar telgħet għal aktar minn €54,000 f’sena u nofs.

Żewġ safriet kienu marbuta ma’ laqgħat tal-Kunsill tal-Ewropa fejn il-Ministru jħallas biss spejjeż marbuta ma’ poloz tal-assigurazzjoni minħabba li l-ispejjeż l-oħrajn jingħataw lura mill-Unjoni Ewropea.

B’kollox, il-Ministru Evarist Bartolo siefer 16-il darba, fosthom b’delegazzjonijiet lejn il-Beġju, iċ-Ċina, Spanja, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, Franza, l-Iżvizzera, l-Italja u Dubaj.

L-akbar spiża f’safar saret fiż-żjara li l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol għamel fiċ-Ċina, b’nefqa li laħqet aktar minn €9,000. Fiċ-Ċina, fejn kien hemm taħditiet dwar bdil u koperazzjoni bejn iċ-Ċina u Malta, il-Ministru Bartolo kien akkumpanjat mill-eks-Ministru Laburista Reno Calleja, Chairman taċ-Ċentru Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina. F’din iż-żjara, Reno Calleja jonfoq €900 biss anqas mill-Ministru Bartolo.