Lokali

Il-PL jappoġġja l-kandidatura ta’ Robert Henry Bugeja minkejja kummenti razzisti u attakk kontra l-Presidenza u l-Istrina

Il-Partit Laburista jidher li se jibqa’ jappoġġja lill-kandidat tiegħu Robert Henry Bugeja minkejja l-kummenti razzisti li fl-aħħar jiem għadda fuq Facebook. Bugeja, li llum kien qed jikkontesta wkoll fl-elezzjoni każwali biex jimtela’ s-siġġu parlamentari ta’ Karmenu Vella, kien ippubblika ritratt ta’ dgħajsa mimlija b’immigranti rregolari.

Dwar ir-ritratt, Robert Henry Bugeja kiteb li dak li qed jidher hu “iċ-Charity Ride tal-President”, b’rabta mal-attività organizzata biex jinġabru fondi b’risq l-Istrina u l-Malta Community Chest Fund. Hu appella wkoll lil dawk li jsegwuh fuq Facebook biex ma jappoġġjawx l-Istrina għax il-President Marie Louise Coleiro Preca “qed tisforza lill-Maltin jintegraw mal-immigranti Afrikani”.

Madankollu, minkejja dan il-kumment razzista, kif ukoll l-attakk kontra l-President u l-attivitajiet li jgħinu lil min hu fil-bżonn, il-Partit Laburista ordna biss biex lill-kandidat tiegħu biex iħassar il-post li tella’. Mistoqsi mill-ġurnal The Times, kelliem għall-Partit Laburista qal li dak li kiteb Bugeja mhijiex il-pożizzjoni tal-partit, iżda l-Labour xorta se jibqa’ jappoġġja lill-kandidat fosthom fl-elezzjoni każwali ta’ dalgħodu.

Kundanna minn Aditus

Sadanittant, għall-Fondazzjoni Aditus, dak li kiteb il-kandidat Laburista hu “aktar milli xokkanti”. Fi stqarrija, l-Fonazzjoni kkundannat il-mod kif Robert Henry Bugeja instiga l-mibegħda, irredikola lill-President u attakka l-akbar manifestazzjoni ta’ solidarjetà li ssir f’Malta. Aditus irrimarkat ukoll il-fatt li bħalma Malta qed timxi ‘l quddiem f’aspetti oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, kienet tistenna li tiġi ddedikata l-istess enerġija għal kundanna immedjata għall-kummenti razzisti tal-kandidat Laburista. Aditus sostniet li fin-nuqqas ta’ din il-kundanna, il-Gvern qed jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu li jiddiskrimina bejn min ħaqqu li jiġu mħarsa d-drittijiet tiegħu u min ma ħaqqux.