Lokali Parlament

Inspectors biex jirregolaw it-tuckshops fl-iskejjel

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearn qal meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar l-Abbozz ta’ Liġi li ressqet l-Oppożizzjoni dwar stil ta’ ħajja sana, li se jibdew jintbagħtu inspectors biex ikunu nfurzati r-regolamenti fit-tuckshops fl-iskejjel

Filwaqt li appella biex kumitat bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra jiltaqa’ biex jidħol fid-dettal fl-abbozz ta’ liġi li ressaq id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, qal li qed isiru diversi studji b’rabta mal-kundizzjoni tal-obesità f’etajiet differenti u sa tmiem is-sena li ġejja dan l-eżerċizzju jkun komplut u jwassal biex jitfasslu l-policies meħtieġa.

Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li qed isir studju ieħor dwar il-kampanji ta’ reklamar li qed jinfluwenza lit-tfal fl-għażla tal-ikel.

Għaddej ukoll studju ieħor fuq 4,000 parteċipant li se jara kemm hawn nies b’piż żejjed, kemm ipejpju u jixorbu, kemm jagħmlu eżerċizzju, kemm huma n-nies bid-dijabete u testijiet ġenetiċi dwar kundizzjonijiet oħra li huma relatati.

Semma wkoll il-ftuħ ta’ lifestyle clinics f’diversi lokalitajiet li qed jinfirxu b’servizz bla ħlas biex persuna tanalizza l-istil ta’ ħajja tagħha u tingħata pariri.