Lokali

L-Oppożizzjoni tistaqsi dwar il-wegħda tal-powerstation ġdida

L-Oppożizzjoni ressqet numru ta’ mistoqsijiet lill-Gvern b’rabta mal-proġett tal-powerstation ġdida; waħda mill-wegħdi ewlenin tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni li magħha rabat it-traħħis tal-kontijiet.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco, u mill-kelliema tal-Oppożizzjoni Ryan Callus u George Pullicino, l-Oppożizzjoni staqsiet mistoqsijiet li l-Gvern ħarab li jwieġeb.

L-Oppożizzjoni staqsiet meta se jibda l-proġett tal-powerstation. Dan għaliex s’issa l-Prim Ministru wieġeb biss li għaddejjin negozjati, u dan ftit xhur biss minn meta suppost tlesta l-proġett.

Il-Gvern intalab iwieġeb ukoll meta se jiġu ppublikati l-kuntratti. Fil-bidu tas-sena l-Prim Ministru kien qal li dawn se jiġu ppublikati dalwaqt. Madankollu s’issa ma ġewx ippublikati.

Ladarba l-Gvern qed iwiegħed li xorta se jraħħas il-kontijiet, allura tqum il-mistoqsija dwar minn fejn se jiġu finanzjati n-nuqqas ta’ revenue mit-traħis tad-dawl u l-ilma. Dan għaliex Gvern Laburista qabel l-elezzjoni rabat dan it-traħħis mal-powerstation ġdida.

U wara li ħarġet l-aħbar li l-kumpanija Gasol tinsab f’qagħda finanzjarja mwiegħra, l-Oppożizzjoni talbet lill-Gvern jiċċara l-pożizzjoni tiegħu dwar dan u jispjega wkoll għaliex id-depożitu tal-iffirmar tal-kuntratt għadu lanqas tħallas.

Dawn il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni bdew isiru saħansitra iktar minn xahar ilu meta l-Prim Ministru ammetta li l-proġett tal-powerstation ma kienx se jitlesta fiż-żmien stipulat. Jumejn wara ammetta anke’ l-Ministru Konrad Mizzi. L-Oppozizzjoni kienet ipprezentat dibattitu biex jigu diskussi dawn il-mistoqsijiet u jigu kjariti diversi punti li tqajmu.

Madankollu la twiegbu mistoqsijiet tal-Oppozizzjoni u lanqas mistqoqsijeit li tpoġġew minn deputati Laburisti stess bħal Marlene Farrugia.

Dwar il-proġett tal-bini ta’ power station ġdida tkellem ukoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus li qal li ladarba t-timeframes inkisru, il-Gvern m’għadx għandu għalfejn jgħaġġel biex jagħmel dan il-proġett u għalhekk appella mill-ġdid li t-tanker ma jiġix jankrax fil-bajja ta’ Marsaxlokk.