Lokali Parlament

Ma jagħtix il-ħlasijiet għall-konsulenzi li saru b’direct orders

Il-Ministru Konrad Mizzi ma tax informazzjoni fil-Parlament ta’ kemm kien il-valur ta’ konsulenzi li ngħataw b’direct order mill-Ministeru tas-Saħħa u l-Enerġija.

Minkejja li fi tweġiba li ta fil-Parlament għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Ministru Konrad Mizzi qal li kien qed ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, id-dokument li poġġa kien nieqes mill-informazzjoni importanti dwar kemm tħallsu l-konsulenti li ngħataw xogħol b’direct orders.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsa lill-Ministru Konrad Mizzi jagħti l-valur ta’ konsulenzi li ngħataw b’direct order, lil min u għal xiex fl-entitajiet li għalihom hu responsabbli mill-11 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija.

Iżda l-Ministru Konrad Mizzi ta’ biss lista tal-kumpaniji li ta konsulenzi b’direct order lill-Enemalta, l-Arms, l-Awtorità għar-Riżorsi u lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, u ħalla barra kemm kien il-ħlas ta’ dawn il-konsulenzi.

Dan kien każ ieħor li jsegwi l-istil li bih il-Gvern qiegħed iwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari tal-Oppożizzjoni meta din il-ġimgħa stess, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ma riedx jagħti informazzjoni dwar kemm nefaq f’safar kemm ilu Ministru fl-aħħar sena unofs, b’Ministru ieħor tal-Kabinett tal-Gvern, Evarist Bartolo, jirrimarka u jiġbed l-attenzjoni tal-Ministru Refalo li għandha tingħata l-informazzjoni mitluba dwar spejjeż li jsiru minn nefqa pubblika.