Il-Pulizija fil-Pakistan arrestaw 40 persuna wara li koppja Kristjana spiċċat imsawwta u maħruqa sal-mewt ġo speċi ta’ forn, fost suspetti li huma ”ddesekraw u żebilħu’ l-Koran – il-ktieb qaddis għall-Musulmani.
Il-forn fejn inqatlet il-koppja jinsab ġo fabbrika tal-ġebel fil-villaġġ ta’ Kot Radha Kishan, fil-provinċja tal-Punjab. Mifhum li r-raġel u l-mara – li kienet tqila – kienu jaħdmu t-tnejn ġo din il-fabbrika, u kelliema għall-Human Rights Commission tal-Pakistan sostnew li l-qtil brutali tagħhom kien dovut għal kwistjoni ta’ flus u wara li s-sid tal-forn akkuża lill-koppja li ‘kellhom id-dejn miegħu’.
Attivisti dwar id-drittijiet tal-minoranzi fl-inħawi rrakkuntaw li grupp ta’ nies kienu attakkaw din il-koppja ġo bini u kisrulhom saqajhom biex ma jaħarbux. Il-mara u raġel, imbagħad, ‘twaddbu direttament għal ġon-nar’ u bil-moskej fil-villaġġi tal-madwar iħabbru li ‘l-koppja kienet żebilħet il-Koran’ . Madankollu l-attivisti favur id-drittijiet tal-minoranzi ma sabu l-ebda provi li jissostanzjaw dawn l-allegazzjonijiet.
//= $special ?>