Lokali Qorti

Mara miżżewwġa mixlija li għamlet allegazzjoni falza fuq is-sieħeb tagħha

[headlines headline=”h3″ ]Għamlet rapport lill-Pulizija li kkorrompa lil binthom ta’ sentejn u nofs [/headlines]

Rita Borg ta’ 46 sena mill-Mosta bdiet għaddejja proċeduri l-Qorti mixlija b’perġur, jiġifieri li għamlet rapport falz lill-Pulizija meta kienet taf li dan seta’ kellu konsegwenza fuq bniedem innoċenti. F’dan il-każ kienu saru akkużi minnha fuq l-allegatat vittma William Micallef, li dan kien qed jikkorrompi lil binthom ta’ sentejn u nofs.

Borg kienet għamlet ir-rapport fit-3 ta’ April, 2013, fejn din kienet allegat li William Micallef li miegħu kellha relazzjoni kien daħħal subgħajh fil-parti privata tagħha, iżda meta t-tifla kien sarilha test biex ikun stabbilit jekk kienx sar xi att żieni, ħareġ li t-tifla kienet “virgo intatta”, terminu skont il-liġi li jffisser li t-tifla kienet għadha verġni.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Prosekuzzjoni quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, fejn il-Prosekutur qal li kien is-Surġent Kevin Buħaġiar li nfurmah b’dan il-każ, fejn dan qallu li Rita Borg kienet qalet li William Micallef, kien abbuża minn binthom.

L-Ispettur Mifsud qal li hu kien ċempel lill-Maġistrat Inkwerenti, li kien Francesco Depasquale, u dan ħatar lill-espert Mario Scerri biex isiru l-eżamijiet fuq it-tifla. Qal li kienet l-akkużata stess li ħadet lil bintha għat-testijiet, u ħareġ li din kienet għadha verġni.

L-Ispettur Josric Mifsud qal li huwa kien bagħat għal Rita Borg, biex tmur l-Għassa tal-Pulizija tan-Naxxar, u din iżda qaltlu li minflokha kien sejjer żewġha, bl-Ispettur jgħidilha li żewġha ma kellux x’jaqsam mal-każ, u għalhekk hi kellha tmur. Qal ukoll li William Micallef kien imur jiġbor it-tifla mill-Għassa tan-Naxxar peress li kien hemm ordni tal-Qorti f’dan is-sens.

Ix-xhud kompla jgħid li ma setax jifhem kif kien jara lill-akkużata tiċċaċra ma’ William Micallef, meta dan suppost kien bagħabas lil bintha. Fil-fatt dwar dan huwa staqsa lil Rita Borg, kif kienet qed tħallih jieħu lit-tifla, meta dan allegatament għamel dawn l-affarijiet mat-tifla. Borg kienet qaltlu li kien hemm ordni mill-Qorti, bl-Ispettur jgħidilha li faċilment setgħet tagħmel rikors, u missier it-tifla, ma kienx ikollu aċċess għaliha.

L-Ispettur Mifsud qal li l-Maġistrat Inkwerenti kien ordna biex dan il-każ jiġi nvestigat u dan għax ma kienx hemm indikazzjonijiet forensiċi li juru li t-tifla b’xi mod intmesset. Qal ukoll li dwar dak li kienet qed tgħid l-akkużata, dik li t-tifla saret tneħħa l-qalziet ta’ taħt ta’ spiss, meta tmur it-“toilet”, din kienet xi ħaġa normali għal tfal ta’ dik l-eta’.

Fuq mistoqsija tal-Avukat Daniela Mangion, li qed tidher għall-akkużata, l-Ispettur Mifsud qal li kienu nfurmaw lil Rita Borg, fuq id-drittijiet tagħha u anke biex tkellem avukat. Wara xehed ukoll is-Surġent Kevin Buħaġiar li qal li fit-13 ta’ April tas-sena l-oħra daħlet telefonata l-Għassa tal-Mosta, fejn kien seħħ inċident bejn Rita Borg, żewġha u William Micallef, kellhom inċident quddiem l-Għassa tan-Naxxar.

Is-Surġent Buħaġiar kien bagħat għal Micallef u li dan qallu li Rita Borg riedet titlaq lil żewġha biex tmur tgħix miegħu, iżda hu ma riedx jitlaq lil mara. Ix-xhud qal ukoll li staqsa lit-tifla, meta din kellha tliet snin, jekk qattx missierha għamillha xi ħaġa, u t-tifla qalet li qatt ma kellha problemi mal-papa, u li ma kienx idejjaqha.

Xehedet ukoll il-Kuntistabbli Vanessa Azzopardi, li qalet li l-akkużata qaltilha li William Micallef kien qalilha f’widnejha, li kien lest jitlaq lil mara, u jmur jgħix magħha, jekk hi titlaq lir-raġel. L-Avukati Jason Azzopardi, Martin Fenech u Kris Busietta qegħdin jidhru bħala parti ċivili fil-każ li se jkompli fid-29 ta’ Jannar li ġej fl-10.30 a.m.