FORMULA 1: Għada jibdew il-provi liberi għall-Grand Prix tal-Brażil, il-GP ta’ qabel tal-aħħar. Bħalissa il-leader Lewis Hamilton, sewwieq tal-Mercedes qed igawdi vantaġġ ta’24 punt fuq l-eqreb rivali tiegħu Nico Rosberg. Dan tal-aħħar irid iwettaq reazzjoni jekk beħsiebu jirbaħ it-titlu għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu. Hamilton jista’ jirbaħ it-titlu jekk jispiċċa minn tal-anqas it-tieni fl-aħħar Grand Prix, anke jekk Rosberg joħroġ rebbieħ. Jekk Hamilton u Rosberg jispiċċaw bl-istess ammont ta’ punti ikun Hamilton li jirbaħ it-titlu għax rebaħ ammont akbar ta’ GP.
L-Ingliż s’issa rebaħ 10 Grand Prix filwaqt li Rosberg rebaħ erbgħa. Ta min jiftakar li fl-aħħar GP se jingħataw punti doppji.
Rosberg kellu bidu f’dan l-istaġun meta rebaħ l-ewwel Grand Prix tal-Awstralja u minn Mejju sa Lulju kien dejjem qed jokkupa l-ewwel post tal-klassifika. Filwaqt li l-Ġermaniż kien qed jirbaħ it-tlielaq, Hamilton, li kien qed isegwih, kien ferm sfortunat f’diversi okkażjonijiet fejn kellu jirtira minħabba ħsarat fil-karozza. Madankollu, ir-rebħa li kiseb f’pajjiżu stess fiċ-ċirkwit ta’ Silverstone, tat spinta lil Hamilton li kompla jibni fuq dak li kiseb fl-Ingilterra u mis-7 ta’ Settembru sal-Ħadd li għadda kiseb ħames rebħiet konsekuttivi. Ġimgħa ilu dan rebaħ il-GP tal-Istati Uniti għat-tieni darba fil-karriera tiegħu u nhar il-Ħadd se jkun qed jikkompeti f’ċirkwit li qatt ma rebaħ fih.
Mis-sewwieqa li għadhom ma irtirawx, Felipe Massa u Sebastian Vettel huma l-aktar żewġ sewwieqa li rebħu f’Interlagos. Is-sena li għaddiet kien Vettel li rebaħ it-tellieqa.
Ta min jinnota li matematikament, Hamilton u Rosberg huma l-uniku żewġ sewwieqa li qegħdin b’ċans li jirbħu t-titlu.
//= $special ?>

