Lokali Qorti

Tammetti kompliċita’ fl-għoti tan-nar tar-residenza ta’ koppja li qed tiffosterja lil bintha

Mara ta’ 29 sena minn Birkirkara ammettiet quddiem il-Maġistrat Carol Peralta li fid-19 ta’ Lulju li għadda, għall-ħabta tal-4.00 p.m. fil-Gżira kienet kompliċi ma’ persuni oħra biex tagħat in-nar fuq ir-residenza ta’ koppja mill-Gżira li jiffosterjaw lil bintha. Il-koppja tinsab ukoll fil-proċess tal-adozzjoni tat-tifla.

Josianne Grech ammettiet li hija għamlet ħsara fuq il-bieb tar-residenza, liema ħsara hija ta’ aktar minn €2,500, u li użat din il-vjolenza sabiex il-koppja tonqos milli tkompli bil-proċess tal-adozzjoni tat-tifla.

Grech ammettiet ukoll li matul ix-xhur u s-snin ta’ qabel ikkaġunat biża fuq il-persuna u l-propjeta’ tagħhom. Ir-raġel li jiffosterja lit-tifla qal lill-Pulizija li meta kien qed jipprova jraqqad lit-tifla ta’ Grech, innota li l-bieb prinċipali tad-dar tiegħu jaqbad.

Dan qal ukoll xi ġimgħa qabel sab iż-żewġ “tyres” tal-karozza li kienet ipparkjata quddiem id-dar mifqugħin. It-tifla qiegħda tiġi fosterjata mill-koppja fuq deċiżjoni tal-Aġenzija Appoġġ.
Il-Qorti wara li semgħet il-kawża qalet li l-ewwel se tisma’ x-xhieda tal-uffiċjal probation qabel ma tgħaddi biex tagħti s-sentenza. Il-mara inżammet taħt arrest preventiv. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jason Francis Sultana u Saviour Baldacchino.