Lokali Parlament

Tentattiv biex tingħata indikazzjoni dwar meta se jitlesta l-Parlament il-ġdid

Delegazzjoni tal-Parlament se żżur il-bini l-ġdid

Delegazzjoni tal-Parlament se żżur ix-xogħlijiet li għadhom għaddejjin fil-bini l-ġdid tal-Parlament fid-daħla tal-Belt, biex tkun infurmata dwar l-andament tax-xogħlijiet li fadal, u li kellhom jitlestew sal-aħħar ta’ Settembru li għadda.

Dan kien deċiż f’laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, presedut mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, li ltaqa’ llum waranofsinhar, fejn kien hemm qbil li l-ewwel issir żjara fis-sit fil-5 ta’ Diċembru li ġej, biex wara l-Parlament jingħata indikazzjoni dwar meta jista’ jsir it-trasferiment tal-Parlament lejn il-bini l-ġdid.

Il-Gvern baqa’ ma ta ebda data ta’ meta hu pjanat li jitlestew ix-xogħlijiet, liema proġett il-Gvern kien qal li hu on track u li kellu li jitlesta sal-aħħar ta’ Settembru, biex mit-13 ta’ Ottubru l-Parlament jiltaqa’ fil-bini l-ġdid.

Kien biss anqas minn ġimagħtejn qabel li kellha ssir iċ-ċerimonja uffiċjali, li l-Parlament kien infurmat li ma kinux se jintlaħqu l-miri ta’ dan il-Gvern biex il-Parlament jibda jiltaqa’ fil-bini l-ġdid wara l-waqfa tas-sajf, waqfa li kienet ħafna itwal biex ikun jista’ jsir it-trasferiment tal-Parlament lejn il-bini l-ġdid.

Il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra qabel ukoll dwar is-seduti parlamentari li se jkunu qed jiddiskutu l-Baġit tal-Gvern għas-sena d-dieħla, u li se jkun ippreżentat bħal nhar it-Tnejn ġimgħa, fis-17 ta’ Novembru. Id-diskussjoni tibqa’ għaddejja sal-4 ta’ Diċembru.

L-Ispeaker ħabbar ukoll li ntlaħaq ftehim ma’ kumpanija ewlenija tat-telekomunikazzjoni dwar ix-xandir tas-seduti parlamentari fuq it-televiżjoni, u li abbozz tal-kuntratt li tħejja dwar dan issa qed ikun analizzat mill-Gvern u l-Oppożizzjoni, bl-Ispeaker jappella għall-koperazzjoni wkoll biex isiru emendi għall-Ordnijiet tal-Kamra b’linji gwida ċari dwar it-trasmissjonijiet televiżivi.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ddikjara wkoll li l-Parlament mhux se joħroġ spejjeż fix-xandir tas-seduti parlamentari, li jibdew hekk kif il-Parlament jiċċaqlaq għall-bini l-ġdid.

Kien hemm qbil ukoll biex il-Kumitati Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali u dak dwar is-Saħħa, jiltaqgħu f’laqgħat flimkien biex jiddiskutu l-qasam tad-donazzjonijiet tal-organi.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjoanlista qajjem il-każ b’rabta ma’ korrispondenza li għaddiet mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali, fejn jirriżulta li t-tqassim tal-mistoqsijiet parlamentari lill-Kunsilli Lokali kien qed jiġi meqjus bħala propaganda politika.

Filwaqt li l-Ispeaker enfasizza li mistoqsijiet parlamentari hu xogħol tal-Parlament u m’għandhomx jitqisu bħala ta’ propaganda, kien hemm qbil bejn Gvern u l-Oppożizzjoni li mistoqsijiet parlamentari jistgħu jiġu komunikati u jitqassmu lill-Kunsilli Lokali.

L-Ispeaker informa wkoll lill-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra li l-Parlament se jkollu l-ewwel karozza bl-elettriku li se tingħata b’donazzjoni mill-Ministeru għall-Infrastruttura u Trasport.