Il-produzzjoni mill-industrija f’Malta f’Settembru 2014 naqset b’7.1% fuq Settembru 2013. Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li dan it-tnaqqis qawwi fl-indiċi tal-produzzjoni industrijali fuq perjodu ta’ sena kien dovut għal tnaqqis kważi fil-kategoriji kollha.
Kien hemm tnaqqis ta’ 14.4% fil-produzzjoni ta’ oġġetti intermedjarji, tnaqqis ta’ 3.8% fil-prodotti tal-enerġija, tnaqqis ta’ 3.3% fil-prodotti għall-konsumatur u tnaqqis ukoll ta’ kważi 1% fil-prodotti kapitali.
Min-naħa l-oħra, l-istess statistika turi li meta t-tqabbil isir ma’ Awwissu 2014, il-produzzjoni mill-industrija żdiedet, anke jekk iż-żieda kienet waħda ferm iżgħar ta’ 1%. Dan kien dovut għal żidiet minimi fil-kategoriji kollha, ħlief għall-indiċi tal-produzzjoni tal-prodotti intermedjarji li naqas.
L-indiċi tal-produzzjoni industrijali hu meqjus bħala wieħed mill-aktar indikaturi importanti tal-attività ekonomika.
//= $special ?>