FUTBOL: Is-Segretarju Ġenerali tal-FIFA Jerome Valcke qal li l-FIFA trid tagħżel bejn żewġ dati li fihom se ssir it-Tazza tad-Dinja tal-2022 fil-Qatar.
Minn meta l-Qatar rebaħ id-dritt li jorganizza t-Tazza tad-Dinja kien hemm kontroversji kbar dwar ix-xhur li se jintlagħbu fihom il-partiti minħabba s-sħana kbira fil-pajjiż matul is-sajf. L-organizzaturi tat-Tazza tad-Dinja dejjem qalu li lesti jibnu grawnds b’arja kundizzjonata imma l-FIFA dejjem ippreferiet li l-logħob jintlagħab fix-xitwa.
Skont Valcke l-FIFA trid tagħżel bejn Jannar u Frar tal-2022 jew inkella Novembru u Diċembru tal-2022. Il-kummenti ta’ Valcke jfissru li t-talba tal-Assoċjazzjoni tal-Klabbs Ewropej (ECA) se tiġi injorata għax l-assoċjazzjoni talbet biex il-logħob isir f’Mejju.
Il-klabbs m’humiex favur l-idea li t-Tazza tad-Dinja ssir bejn Novembru u Diċembru għax ikun hemm kaos sħiħ fit-tibdil tal-programm ta’ logħob tal-kampjonati domestiċi u għalhekk l-ECA qed tipproponi li l-logħob jintlagħab f’Mejju.
Hu mistenni li deċiżjoni finali dwar f’liema xhur se tintlagħab it-Tazza tad-Dinja tal-2022 se titħabbar f’Marzu ta’ sena oħra.
Platini jridha ssir fix-xitwa
Il-President tal-UEFA Michel Platini qal li jrid li l-edizzjoni ssir fix-xitwa. Fl-istess ħin qal li jekk il-logħob fil-Qatar isir fix-xitwa, is-semi finali u l-finali taċ-Champions League tal-2022 jsiru f’Ġunju.
“Hu veru li hemm xi klabbs li qed jitolbu biex il-logħob isir f’Mejju imma wara kollox huma l-plejers li se jilagħbu u hu impossibbli għalihom jilagħbu f’dak iż-żmien minħabba dik is-sħana. Bħala President tal-UEFA m’għandi l-ebda problema biex il-logħob isir f’Novembru, Diċembru, Jannar u Frar. Ma tkun l-ebda problema biex inċaqalqu d-dati taċ-Champions League. Hu veru li l-programm tal-kampjonati domestiċi se jinbidel ftit imma f’każ bħal dan kulħadd se jkollu jċedi xi ftit,” qal Platini.
Platini temm jgħid li minkejja l-kontroversja kollha li inqalgħet minn meta l-Qatar ġie magħżul biex jorganizza t-Tazza tad-Dinja, hu m’għandu l-ebda dispjaċir li ivvota lil dan il-pajjiż. “Il-popli Għarbi kien ilu jitfa’ l-kandidatura żmien twil u nemmen li kien il-mument ġust li jingħata d-dritt li jorganizza t-Tazza tad-Dinja,” qal Platini.
//= $special ?>

