Lokali

34 playgrounds dikjarati li mhumiex safe

Ma tingħatax l-informazzjoni f’liema lokalitajiet huma l-playgrounds

Matul din is-sena nstabu 34 playground li ma ġewx ikklassifikati bħala safe mill-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà. Il-Ministru Helena Dalli responsabbli minn dan is-settur, ma tatx l-informazzjoni dwar f’liema lokalitajiet jinsabu dawn il-playgrounds.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament b’risposta għal mistoqsija li saret mid-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici, lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Helena Dalli, li qalet li saru 158 spezzjoni mill-1 ta’ Jannar sal-lum.

L-Awtorità ppreżentat ir-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali u lill-Kunsilli Lokali rispettivi sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji biex il-playgrounds jinżammu safe.

Iżda l-Ministru Helena Dalli, naqset li tagħti l-informazzjoni mitluba mid-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici dwar liema huma l-lokalitajiet fejn il-playgrounds kienu dikjarat li m’għandhomx is-sigurtà meħtieġa.