Għawdex Lokali Parlament

Appell biex jitkompla l-proġett ta’ indoor pool f’Għawdex

Mistoqsijiet parlamentari mhux imwieġba jindikaw li m’hemmx interess biex Għawdex tgawdi minn din il-faċilità

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern biex ikompli l-proġett li kien inbeda fl-amministrazzjoni preċedenti għal indoor pool f’Għawdex.

Mistoqsijiet parlamentari lill-Gvern li mhux qed jiġu mwieġba, jindikaw li m’hemmx interess biex Għawdex tgawdi minn din il-faċilità li tagħti wkoll opportunità għal stil ta’ ħajja sana.

Id-Deputat Nazzjonalista Giovanna Debono għamlet dan l-appell lill-Gvern fil-Parlament meta tkellmet din il-ġimgħa fid-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi dwar stil ta’ ħajja sana, abbozz li qed tippreżenta l-Oppożizzjoni permezz tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.

Giovanna Debono staqsiet għaliex il-proġett tal-indoor pool ma tkompliex f’Għawdex, meta kienet ukoll inħarġet tender. Irrimarkat li jidher li m’hemmx interess mill-Gvern f’dan il-proġett għaliex lanqas mistoqsijiet parlamentari ma twieġbu. Fissret dan il-proġett bħala ta’ utilità f’Għawdex u appellat biex il-proġett għal indoor pool ikompli minn dan il-Gvern, u li jkun il-Kunsill Konsultattiv propost fl-abbozz ta’ liġi li jieħu dan il-proġett f’idejh biex jitwettaq.

Giovanna Debono qalet li l-abbozz ta’ liġi li tindirizza l-kundizzjoni tal-obeżità u l-istil għal ħajja sana, mhux biss hu xieraq li jkun hawn qbil dwaru, iżda jippreżenta liġi li għandna bżonn illum qabel għada.
Fissret li din l-inizjattiva qed tistabbilixxi direzzjoni għal ħajja sana u stil ta’ ħajja li tbiegħed il-problemi relatati mal-obeżità.

Fakkret fl-inizjattivi li ttieħdu f’Għawdex li l-perċentwal tal-popolazzjoni b’piz żejjed hu ħafna għoli, minkejja li wkoll ittieħdu diversi inizjattivi, fosthom bil-viżjoni Eko-Għawdex li bdiet twettaq amministrazzjoni Nazzjonalista bil-għan li tfassal l-istrateġija li ttejjeb il-ħajja tal-Għawdxin.

Appellat lill-Gvern biex ikompli jieħu aktar inizjattivi ta’ dan it-tip f’Għawdex, bħalma kienet l-introduzzjoni tal-Iskola Sport li jeħtieġ li tibqa’ tingħata l-importanza li jeħtiġilha.