Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet talba għad-danni li saret minn Grace Borg u minn Andrea Milana fil-konfront ta’ Thea Falzon Garrett, wara li huma sostnew li hija kisret il-kuntratt li kienet iffirmat magħhom fuq il-kant.
Fis-sentenza tagħha Imħallef Lorraine Schembri Orland qalet li l-ġenituri tal-kantanta ma setgħux jiffirmaw għaliha mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti. Fil-kawża li kienu ppreħentaw, Borg u Milana qalu li kienu daħlu f’dak li jissejjaħ “exclusive artist agency and management agreement”, mal-ġenituri ta’ Falzon Garrett f’ Novembru tal-2009. Dan il-kuntratt kien ġie iffirmat meta Falzon Garrett kienet għadha minorenni.
Permezz ta’ dan il-ftehim, Borg kienet appuntata bħala Manager personali ta’ Falzon Garrett, fl-aspetti kollha tal-industrija tad-divertiment. Peress li kienet il-Manager tagħha, Borg kellha iddaħħal 15 fil-mija mid-dħul ta’ Falzon Garrett u dan sakemm il-kuntratt idum fis-seħħ. Dan il-kuntratt kellu jiskadi fi żmien sena.
Madankollu ġara li tul perjodu qasir ta’ żmien, Thea Falzon Garrett sabet ruħha f’xi diffikultajiet li setgħu ukoll ikunu familjari u b’konsegwenza tal-agir tagħha itterminat iI-kuntratt. Kien għalhekk li Borg u Milana talbu lill-Qorti tordna lil Falzon Garrett tħallas id-danni li huma sofrew minħabba din id-deċiżjoni.
L-Imħallef Schembri Orland iżda qalet li f’din il-kawża jrid jiġi determinat jekk Falzon Garrett kinitx marbuta b’kuntratt ma’ Borg, li kien iffirmat mill-ġenituri tagħha.
Ingħad li skont il-liġi, il-ġenituri ta’ minorenni ma jistgħux jiddisponu mill-proprjetà tat-tfal tagħhom jew jidħlu għal ċertu tibdil fil-proprjetà tat-tfal tagħhom, mingħajr awtorizzazzjoni tal-Qorti.
Dan huwa ta’ importanza kbira biex jiġi assigurat li d-drittijiet tat-tfal qed jiġu protetti. Il-Qorti qalet li f’dan il-każ, il-ġenituri daħlu għal ċertu obbligi, mingħajr awtorizzazzjoni tal-Qorti, kif titlob il-liġi. Kien għalhekk li l-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Grace Borg u ta’ Andrea Milana.
//= $special ?>