Futbol Sport

Hibs jimmiraw li jkabbru l-vantaġġ

BOV PREMIER: Il-11-il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier se tiftaħ b’waħda mill-aktar partiti mistennija għal din il-ġimgħa hekk kif il-liders Hibernians illum jilqgħu fl-istadium tagħhom lil Balzan waqt li warajhom B’Kara fit-tieni post jilagħbu kontra Floriana.

Balzan wara t-telfa kontra Valletta se jkollhom sospiżi lil Ice Cream Guobadia u Justin Grioli u dan ifisser li l-kowċ Oliver Spiteri se jkollu jara kif se jimla l-post vakanti ta’ dawn il-plejers mingħajr ma jdgħajjef l-istruttura tat-tim.

Hibs għandhom l-aqwa attakk tal-istaġun bħalissa b’29 gowl f’10 partiti kif ukoll l-aqwa difiża waqt li għadhom mingħajr telfa. Bir-raġun il-partitarji Pawlisti jistennew rebħa oħra mit-tim immexxi minn Branco Nisevic u jafu li dan hu possibli kontra Balzan.

Fil-partita ta’ wara Floriana se jkollhom lura minn sospensjoni lil Matteo Picciolo imma se jkunu mingħajr Brooke Farrugia li ġie sospiż logħba waqt li B’Kara mistenni jħossu ferm in-nuqqas ta’ Ledesma li se jkun sospiż ukoll. Madankollu r-ritorn ta’ Shola Shodiya jagħti alternattivi oħra lill-kowċ Paul Zammit.

B’Kara jafu li ma jistgħux ifallu l-punti f’dan il-konfront biex iżommu l-pass mal-liders Hibernians, wisq aktar jekk il-Pawlisti jieħdu t-tliet punti mill-konfront ta’ qabel.

Floriana jafu jkunu għadma iebsa imma t-tim irid ikun ftit aktar konsistenti u l-plejers iridu jemmnu aktar fil-kapaċitajiet tagħhom.