Ekonomija Lokali

Il-Gvern ta roħs fl-enerġija iżda żamm iż-żieda għall-għoli tal-ħajja – il-PN

It-tnaqqis li l-poplu se jkun ħa bir-roħs fil-kontijiet tal-enerġija se jkun qed jitilfu għax il-Gvern mhux se jagħti żieda adegwata u ġusta għall-għoli tal-ħajja, ħlief iż-żieda redikola ta’ 58ċ. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Tonio Fenech qal li l-impressjoni li qed jipprova jagħti l-Gvern hu li l-ekonomija sejra tajjeb meta l-fatti qed juru xorta oħra.

Tonio Fenech qal li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għall-Baġit li ġej huma li l-Income Tax titnaqqas b’€170 fis-sena, li dawk il-ħaddiema li ma jħallsux taxxa jkollhom ħlas dirett ta’ €170, li l-pensjonati jingħataw żieda ta’ €200 u li l-persuni u l-familji vulnerabbli jkunu mgħejjuna. Dan hekk kif mhux aċċettabbli, sostna Tonio Fenech, li r-roħs fil-kontijiet tal-enerġija jittieħdu lura mill-Gvern stess.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni sostna li l-Gvern mhux iżomm il-wegħdi elettorali tiegħu, fost oħrajn meta d-dejn tal-pajjiż qed jiżdied tant li dan se jilħaq livelli rekord ta’ 71% ta’ kemm jipproduċi l-pajjiż. Qal li l-Gvern qed juża’ kejl differenti għax lill-poplu se jtih biss 58ċ, iżda lil tal-qalba qed itihom l-eluf.

Tonio Fenech sostna li mhux biss il-ħajja kompliet togħla u d-dejn jiżdied, iżda anke l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jikkonferma li kien hemm żieda ta’ 1%, li tfisser €170 ras għal ras f’taxxi.