Internazzjonali Knisja

Il-Papa jrid proċess eħfef għall-annullament taż-żwieġ

 

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ għal proċess eħfef li jippermetti l-annullament taż-żwieġ għall-Kattoliċi . Dan apparti li tonqos l-ispiża.

Il-Papa żvela wkoll li darba,  meta kien għadu Arċisqof fi Buenos Aires fl-Arġenina kien keċċa uffiċjal ta’ tribunal tal-Knisja li pprova jitlob eluf ta’ dollari  biex jikseb annullament taż-żwieġ.

Teknikament, l-annullament taż-żwieġ hu dikjarazzjoni li relazzjoni ma kienet qatt żwieġ f’għajnejn il-Knisja. Dan meta ż-żwieġ inkwistjoni jkun naqas milli jilħaq il-kriterji għall-validità, fuq bażi ta’ rieda, impenn fir-rigward tal-ulied u komportament xieraq.

Il-Papa Franġisku rrefera għall-‘ġustizzja’ u l-‘karità’ b’mod partikulari waqt li ppreżenta l-argument biex il-proċessi għall-annullamenti taż-żwieġ ma jiħdux daqstant fit-tul waqt laqgħa ma’ studenti li gradwaw f’Ruma fil-liġi Kanonika.

“Il-Knisja għandha taġixxi b’mod ġust u tissostanzja każi fejn żwieġ jista’ jkun invalidu,” saħaq il-Papa meta kellem lill-parteċipanti waqt kors organizzat minn Rota; qorti tal-Vatikan. Il-Kap tal-Kattoliċi saħaq dwar l-importanza li n-nies li jgħaddu mill-annullament ikomplu b’ħajjithom mingħajr ma jkunu mxekkla mid-dubju.

Peress li l-Knisja tikkunsidra ż-żwieġ bħala impenn tul il-ħajja, il-proċess għall-annullament jitmexxa b’kawtela u jieħu ż-żmien, b’sistema ta’ provi li tista’ ddum għaxar snin.

Iżda l-Papa qed jgħid li dan id-dewmien mhux neċessarju u, bħala eżempju, semma l-Qorti tal-Knisja fi Buenos Aires li tieħu ħsieb ħmistax-il djoċesi – bin-nies, kull tant żmien, ikollhom jivvjaġġaw għal 150 mil biex jaslu hemm. Skont il-Papa Franġisku, ħafna nies jabbandunaw il-proċess b’riżultat tad-diffikultajiet involuti.

Intant, il-Papa sostna li wieħed għad irid jara rigward proċess għall-annullament taż-żwieġ li ma jiswiex il-flus lill-persuni li japplikaw għalih.

Hu anki rrefera għal kummissjoni li għadha kemm twaqqfet biex tistudja r-riforma fil-proċessi matrimonjali fil-liġi kanonika u sostna li din għandha taġġorna l-proċess b’mod li jwassal għall-ġustizzja u l-karità għaliex hemm wisq persuni li jridu jisimgħu l-kelma tal-Knisja dwar is-sitwazzjoni taż-żwieġ tagħhom.