Għawdex Lokali Saħħa

In-nuqqas ta’ Carers fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed iwassal biex l-anzjani jitħallew fis-sodda

Il-pazjenti anzjani fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed ikollhom jibqgħu fis-sodda u ma jitniżżlux fuq il-pultruna minħabba li għadhom ma ġewx impjegati t-22 Carer meħtieġa fl-Isptar. Għal dawn l-aħħar xhur, il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ilha tappella lill-Gvern u lill-awtoritajiet tas-Saħħa biex jimpjega t-22 Carer meħtieġ. Madankollu, s’issa dawn għadhom qatt ma ġew inkaġġati.

Fi stqarrija, il-President tal-MUMN Paul Pace qal li minkejja li f’Malta l-Gvern qed idaħħal Carers b’direct order, ma segwiex l-istess prassi fil-każ tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għad-detriment tal-anzjani Għawdxin. Qal li bħalissa hemm numru ta’ Carers Għawdxin ikkwalifikati li qed jaħdmu f’residenzi u sptarijiet f’Malta, iżda l-Amministrazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u d-Diviżjoni tas-Saħħa mhux qed jieħdu ħsieb dan il-fattur.

Wara n-numru ta’ appelli li saru fix-xhur li għaddew, l-MUMN reġgħet appellat lill-Gvern biex jindirizza dan in-nuqqas ta’ Carers ħalli l-anzjani Għawdxin ma jibqgħux jiġu trattati b’dan il-mod ħażin. Dan hekk kif, l-MUMN fakkret li minħabba din is-sitwazzjoni, l-anzjani fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ilhom jinżammu għal numru ta’ ġimgħat fis-sodda b’moħqrija umana fil-konfront tagħhom.

Fl-istqarrija, Paul Pace irrikonoxxa li l-Ministeru għal Għawdex kien ipprovda fondi biex l-ingaġġ isir u għalhekk sostna l-appell tiegħu lit-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u d-Diviżjoni tas-Saħħa.