Ekonomija

Is-swieq finanzjarji għadhom b’saħħithom

Aktar investituri qed jidħlu fis-swieq u jixtru. L-indiċi finanzjarji madwar id-dinja komplew jissaħħu fl-aħħar jiem. Kontra dak li rajna fil-bidu ta’ Ottubru, fejn kien hemm tnaqqis sostanzjali u bosta analisti kienu qalu li se jinħoloq paniku, fil-bidu ta’ Novembru rajna s-swieq jissaħħu u l-prezzijiet ikomplu jogħlew. Saħansitra, is-suq Amerikan, magħruf bħala S&P 500, irreġistra rekord. Il-fiduċja fis-swieq Amerikani ilha tinħass għal diversi xhur.

Bosta jgħidu li l-Amerika hi l-mutur ekonomiku ewlieni bħalissa fid-dinja. Għall-kuntrarju, l-ekonomija Ewropea mhux qed tilħaq l-aspettattivi. Dan fid-dawl tal-fatt li pajjiżi bħal Franza u l-Italja dejjem qed jirreġistraw tnaqqis fil-bejgħ u l-produzzjoni industrijali. Il-qgħad fl-Ewropa għadu problema u bosta pajjiżi għandhom ħafna dejn. Minkejja dan kollu, il-prezzijiet tal-bonds ukoll baqgħu għoljin b’mod ġenerali, inkluż fl-Ewropa.

L-ewro kompla jbatti mad-dollaru Amerikan u diversi muniti oħrajn. Id-dollaru Amerikan issaħħaħ ma’ kull munita oħra fl-aħħar ġimgħat. Mhux l-istess jista’ jingħad għar-rouble Russu, li jinsab taħt pressjoni kbira.

Kumpaniji bħal Ali Baba u BMW raw żieda tajba fil-prezz tal-ishma fl-aħħar jiem. Waħda mill-akbar żidiet kienet fl-ishma ta’ Ryan Air. Fl-aħħar sena, il-prezz tal-ishma ta’ Ryan Air fl-aħħar sena raw żieda ta’ 50% fil-valur tagħhom. L-aktar indiċi finanzjarju Ewropew li mar tajjeb din is-sena s’issa kien dak tad-Danimarka segwit minn dak Belġjan. L-aktar wieħed li mar lura kien dak tal-Portugall.