L-għaqda Din l-Art Ħelwa nediet proġett bl-isem ‘Kampanja għall-Kampanja’ li jinkludi kampanja fuq l-internet dwar l-ambjent rurali ta’ pajjiżna.
Il-proġett se jdum sena u matulu se jinġabru l-ilmenti u suġġerimenti tal-pubbliku dwar il-kampanja u l-ambjent ta’ pajjiżna filwaqt li se jsir eżercizzju li jwassal biex jitfassal dokument ta’ policy għall-konsultazzjoni.
Waqt it-tnedija, tkellem l-professjonist tal-ambjent, Alan Deidun li ħeġġeġ li nesploraw aktar aspetti tal-ambjent li għadhom ma bdewx jingħataw biżżejjed attenzjoni.
Tkellment ukoll r-rappreżentant tal-għaqda Youth for the Environment, Julia Farrugia li appellat biex naraw li ngħaddu ambjent sabiħ u sann lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar u l-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-President ta’ Din l-Art Ħelwa, Simone Mizzi tkellmet dwar il-bżonn li pajjiżna jħares u jsaħħaħ l-ambjent. Hi rreferiet għall-ittra li ntbgħatet mis-sitt Presidenti li kellha l-għaqda fl-aħħar ħamsin sena li fiha appellaw lill-Prim Ministru biex jassigura li l-legat tiegħu lejn Malta ma jkunx imfakkar għal aktar qerda fl-ambjent rurali.
Simone Mizzi spjegat li l-għaqda għadha ma rċeviet l-ebda risposta għall-ittra u sostniet li tistenna li l-Ministru tal-Ambjent jieħu sehem iktar attiv fil-qasam tiegħu hekk kif donnu tilef l-portafoll tiegħu.
//= $special ?>