Internazzjonali Mużika

Kritika mħallta għall-album ‘The Endless River’ tal-Pink Floyd

Filwaqt li l-album The Endless River tal-Pink Floyd seta’ qaċċat mill-klassifika l-album Midnight Memories tal-‘boy band’ One Direction bħala l-aktar album li ġie ordnat bil-quddiem fl-istorja tal-Amazon, l-album il-ġdid tal-grupp Ingliż għadu ‘l bogħod milli jaqla’ kritika pożittiva.

The Endless River hu album li jkopri xogħol li ħareġ minn sessjonijiet fl-istudio meta kien qed jiġi rrekordjat id-Division Bell, li kien it-tieni album tal-Pink Floyd wara t-tluq ta’ Roger Waters.

Ħafna mill-kritiċi, għalhekk, jaqblu li ma tkunx sorpriża li l-album hu wieħed li s-semmiegħa qishom diġa’ semgħuh qabel. Dawk li jħobbu l-mużika tal-Pink Floyd jistgħu jisimgħu referenzi mużikali għal Animals, Dark Side of the Moon, Wish You Were Here u anki Summer 68 on Atom Mother.

L-album jinkludi s-sehem tal-keyboardist Richard Wright, li miet bil-kanċer fl-2008. It-tracks kollha fl-album, għajr l-aħħar wieħed, huma strumentali. Madankollu, il-kritiċi qed jistaqsu għaliex, wara kollox, biż-żewġ membri oriġinali li għad baqa’ – David Gilmore u Nick Mason – qed isir xogħol fi studio mużikali biex tinħoloq mużika ġdida meta fl-istess ħin jingħad li hu xogħol tal-grupp Pink Floyd.