Ambjent Lokali

Kritika qawwija għall-proposta ta’ żvilupp ta’ lukandi f’żoni ODZ

(AĠĠORNATA BIL-KUMMENTI TAL-BDIEWA)

Rapport tal-Unit tal-Privatizzazjoni li jinsab quddiem il-Gvern, u li ġie kkummisjonat fuq talba ta’ Silvio Parnis, qed jipproponi l-iżvilupp ta’ tliet lukandi fin-nofsinhar ta’ Malta f’art verġni li hija immarkata bħala ODZ (Outside Development Zone).

The Times irrappurtat kif il-lukandi huma proposti li jsiru qrib Smart City, f’Żonqor Point u fil-post fejn illum hemm il-Forti Leonardu (ritratt). Din il-Forti li qed ikun propost li tinbidel f’lukanda, tinsab kilometru biss bogħod miż-Żona Industrijali Ta’ Maġġi. Fiż-żona hemm ukoll razzett tal-baqar u razzett tat-tiġieġ.

Il-pjan li għandu quddiemu l-Gvern jipproponi li b’dawn it-tliet lukandi jiżdiedu b’700 is-sodod. Dan l-iżvilupp se jkun akkumpanjat bi promenade li twassal lejn Żonqor, kollha pjanati li jsiru fuq art pubblika. Hemm ukoll pjan li jsir Beach Club – kollha f’żoni barra l-iżvilupp (ODZ).

Raħħala u bdiewa li għandhom għelieqi f’dawn l-inħawi esprimew it-tħassib tagħhom għall-fatt li biex isir żvilupp ta’ din ix-xorta jridu jinfetħu toroq ġodda – u saqsew kif se jsiru dawn it-toroq, u liema għelieqi se jittieħdu. Qalu li huwa tajjeb li l-Forti jiġi restawrat, iżda huma mħassba sew fuq dan l-iżvilupp propost.

Il-bdiewa fl-inħawi ta’ San Anard huma mħassba sew

Din l-aħbar ġabet kritika qawwija, fosthom miċ-chairman tal-AD Arnold Cassola li fuq Facebook kritika dan il-pjan tal-Gvern Laburista.

Cassola

Cassola jirrimarka l-fatt li fiż-żona diġa’ hemm binja – dik tal-lukanda Jerma – li qed titħalla fi stat delapitat. Minflok isir żvilupp f’dan il-post, il-Unit tal-Privatizzazjoni qed jipproponi tliet postijiet ġodda għal-lukandi – f’art li s’issa hija mhix mittiefsa bi żvilupp ta’ din ix-xorta.

Arnold Cassola jirrimarka illi “Sandro” – b’referenza ċara għall-iżviluppatur Sandro Chetcuti – għadu qed jordna lill-Prim Ministru, u Joseph Muscat jobdi. Sandro Chetcuti għadu sal-lum imexxi l-Malta Developers Association.