Mozzjoni fil-Parlament biex jiġu ppubblikati r-rapporti ta’ żewġ inkjesti dwar l-operat tal-Pulizija
L-Oppożizzjoni qed titlob iċ-ċensura tal-aġir ta’ ħabi tal-Ministru Manuel Mallia wara li qed jonqos mill-wegħda tal-Gvern tiegħu dwar il-kontabbiltà u t-trasparenza meta ma ppubblikax żewġ inkjesti dwar l-operat tal-Pulizija.
F’mozzjoni li ppreżenta fil-Parlament dalgħodu l-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco; akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Intern Jason Azzopardi u mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, l-Oppożizzjoni qed titlob li l-Parlament jiskrutinja dan l-aġir tal-Gvern u tal-Ministru Mallia responsabbli mill-Intern, u biex immedjatament jiġu ppubblikati r-rapporti fl-intier tagħhom taż-żewġ inkjesti.
Ir-rapporti ta’ inkjesta li l-Ministru Manuel Mallia għadu ma ppubblikax jittrattaw il-każ fejn raġel innoċenti tressaq il-Qorti b’arrest akkużat inġustament b’hold-up, u każ ieħor fejn kienu rtirati l-proċeduri kriminali kontra persuna li allegatament ħebbet għall-Pulizija fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar.
Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tinnota li fit-3 ta’ Settembru 2013, il-Kummissarju tal-Pulizija wiegħed li rriżultati tal-inkjesta dwar l-ewwel każ se jiġu ppubblikati sabiex iserraħ moħħ in-nies, u li fit-28 ta’ Ġunju li għadda l-Ministru Manuel Mallia nnifsu ntrabat li jippubblika r-riżultati.
L-Oppożizzjoni rrimarkat li l-Ministru Mallia qed imexxi d-dekasteri mingħajr trasparenza filwaqt li l-ħabi sar ir-regola, u r-regola saret l-eċċezzjoni. Iddikjarat ukoll li l-poplu Malti jistħoqqlu u għandu d-dritt li t-tmexxija tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali tkun waħda nadifa, miftuħa u li tirrispetta l-intelliġenza tagħna lkoll.
L-Ispeaker qal fil-kummenti tiegħu dwar il-mozzjoni, li t-talbiet tal-Oppożizzjoni jimmeritaw skrutinju tal-Parlament u sostna li l-pubbliku għandu dritt li jkun infurmat dwar l-inkjesti msemmija.
Fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, l-Ispeaker iressaq fuq l-aġenda din il-mozzjoni biex tkun diskussa data u ġurnata li fiha tiġi diskussa l-mozzjoni fil-Parlament.
//= $special ?>