Futbol Sport

Logħba abbandunata u tnejn imħassra

I DIV: Il-programm ta’ tliet logħbiet mill-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni li kellu jsir ilbieraħ kien litteralment imħarbat mill-maltemp qawwi li laqat il-gżejjer Maltin.

Il-logħbiet kellhom jintlagħbu tnejn fis-Centeneray Stadium u waħda fil-Luxol Stadium.

Il-logħbiet imħassra kienu Gudja v Melita li kellha tintlagħab f’Ta’ Qali kif ukoll il-logħba bejn Rabat u Fgura li kellha tintlagħab fil-Luxol Stadium.

Il-logħba bejn Zurrieq u St. George’s bdiet regolarment iżda x-xita kienet qawwija u l-iktar perikoluż kien il-qawwa tar-riħ li prattikament għamilha mpossibli li l-logħba titkompla.

Fil-fatt ir-referee Stefan Pace wara 13-il minuta ta’ sfida kontra n-natura, waqqaf il-logħba u wara stennija ta’ madwar għaxar minuti oħra l-logħba kienet definitivament abbandunata.

Id-dati dwar meta se jkunu rkuprati dawn il-logħbiet għadhom mhux magħrufa.