Inkixef li uffiċjali li akkumpanjaw lill-President Ċiniż, Xi Jinping, waqt żjara fit-Tanzanija għamlu xirja sostanzjali ta’ avorju illegali.
L-Environmental Investigation Agency (EIA) ħarġet rapport fejn il-wasla fit-Tanzanija tad-delegazzjoni Ċiniża, fl-2013, kienet xprunat id-domanda għall-avorju. Fil-fatt, l-ammont tal-avorju illegali li kienu xtraw l-uffiċjali Ċiniżi wassal ukoll għal spinta fil-prezzijiet.
Sadanittant, il-konservazzjonisti tal-ambjent huma inkwetati għaliex id-domanda għall-avorju miċ-Ċina – meqjusa bħala l-akbar suq – qed tixpruna l-kaċċa bla rażan għall-iljunfanti.
Dan meta ċ-Ċiniżi jużaw l-avorju għall-artiġjanat tradizzjonali li għandu ċertu preġju bħala status symbol.
Ir-rapport tal-EIA semma negozjant fil-belt ta’ Dar es Salaam, fit-Tanzanija, li ltaqa’ mal-investigaturi li kienu qed jindagaw il-każ minn taħt. Hu żvela li ladarba d-delegazzjoni ta’ uffiċjali u negozjanti Ċiniżi waslet fl-inħawi, il-prezzijiet tal-avorju fis-suq lokali rduppjaw għall-ekwivalenti ta’ 438 lira Sterlina għal kull kilogramma, u baqgħu fl-istess livell matul iż-żjara.
Ir-rapport ikompli li d-delegazzjoni Ċiniża użat din l-opportunità biex tixtri ammont daqstant kbir ta’ avorju li l-prezzijiet lokali tiegħu ħadu spinta ‘l fuq. L-investigaturi qed jallegaw ukoll li ċ-Ċiniżi jistgħu jieħdu vantaġġ min-nuqqas ta’ skrutinju għall-uffiċjali li jagħmlu żjara diplomatika fit-Tanzanija.
//= $special ?>