Hekk kif fl-aħħar ħin numru ta’ postijiet madwar Malta u Għawdex spiċċaw mingħajr elettriku minħabba l-maltemp li laqat il-gżejjer Maltin, l-Enemalta ħabbret li t-tekniċi u l-inġiniera tagħha jinsabu fuq ħidma intensiva biex il-provvista tal-elettriku tirritorna mill-aktar fis possibbli.
Fil-fatt, il-riħ qawwi li laqat il-gżejjer Maltin wassal biex diversi partijiet tal-grid tal-elettriku ġarrbet ħsarat estensivi bil-konsegwenza li diversi postijiet f’Malta spiċċaw mingħajr elettriku.
L-ewwel ħsara ġiet rappurtata għall-ħabta tal-5 ta’ waranofsinhar u ġew affetwati partijiet mir-Rabat, l-Imġarr, il-Baħrija u l-Imtaħleb.
Il-qtugħ tad-dawl imbgħad kien rappurtat ukoll f’numru ta’ lokalitajiet oħra fosthom il-Mellieħa, Buġibba u anke’ San Pawl il-Baħar.
Ħsarat fuq skala iżgħar ukoll affettwaw numru ta’ toroq f’lokalitajiet differenti.
L-Enemalta qalet li f’ċeru nħawi, il-ħidma biex il-provvista tal-elettriku tirritorna mhux se ssir għalissa biex ma jkunx hemm periklu għal ħajjet il-ħaddiema.
//= $special ?>