Il-Budget 2015 għandu jinkludi inizjattivi konkreti li jagħtu spinta lis-settur tal-manifattura, li jħaddem aktar minn 30,000 persuna f’pajjiżna. Dawn l-inizjattivi għandhom jgħinu lis-settur biex mhux biss jilqa’ għall-isfidi li qed jiltaqa’ magħhom iżda ikompli jattira aktar investiment li joħloq impjiegi produttivi għall-familji Maltin u Għawdxin. Hekk saħaq fi stqarrija il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco.
Fl-istqarrija Mario De Marco qal li filwaqt li sentiment ta’ tħassib kien prevalenti matul l-aħħar xhur fost industrijalisti ewlenin f’pajjiżna, kif hareg biċ-ċar fl-istħarriġ ta’ EY, dan il-bżonn reġa’ ġie kkonfermat ilbieraħ f’żewġ stqarrijiet separati tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, dwar il-kummerċ u l-produzzjoni industrijali.
Fil-qasam tal-kummerċ, l-NSO kkonferma li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, l-esportazzjoni naqset b’10%, li jfisser tnaqqis ta’ xejn anqas minn 158 miljun ewro.
Fil-qasam tal-produzzjoni industrijali, it-tnaqqis kien ta’ 7.1% meta mqabel mal-istess xahar matul l-2013, biex b’hekk kompla tnaqqis li rajna konsistentement fl-aħħar sena.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex, fid-dawl tal-istqarrijiet ripetuti tal-Prim Ministru dwar is-saħħa tal-ekonomija u l-finanzi ta’ pajjiżna, isib il-fondi neċessarji biex jinċentiva lil dan is-settur li għadu jagħti u għandu jibqa’ jagħti kontribut importanti lill-ekonomija ta’ pajjiżna. Fl-istess waqt ikun qed iserraħ moħħ it-30,000 familja li jaqilgħu l-għajxien tagħhom f’dan is-settur temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>