Internazzjonali

Appell biex jinħoloq l-istat Palestinjan

Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurta’ appellat biex jitwaqqaf l-istat Palestinjan, u saħqet li l-komunita’ internazzjonali “ma tridx” gwerra oħra f’Gaza.

Iż-żjara ta’ Mogherini saret  fi sfond ta’ tensjonijiet  li qed jerġgħu jeskalaw bejn l-Iżrael u l-Palestinjani fil-Lvant ta’ Ġerusalemm, fejn f’dawn l-aħħar jiem, il-vjolenza ma naqsitx.

“Ma nistgħux noqogħdu bil-qiegħda u nistennew…jekk nagħmlu hekk, is-sitwazzjoni tibqa’ l-istess għal 40 sena oħra. Irridu naġixxu issa,” sostniet Mogherini.

Il-Palestinjani qed jippruvaw jiksbu stat f’Gaza u fil-Medda tal-Punent okkupata mill-Iżrael, bil-Lvant ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali.