Lokali

Bla dawl wara 24 siegħa

Wara li l-maltempata tal-bieraħ ikkawżat numru ta’ ħsarat li waslu biex bosta lokalitajiet spiċċaw bla dawl rapporti li waslu għand MaltaRightNow.com juru li partijiet mill-Msida, minn Naxxar u minn Marsaxlokk għadhom bla dawl wara aktar minn 24 siegħa fid-dlam hekk kif is-servizz tad-dawl inqatgħa għal ħabta tal-ħamsa ta’ filgħaxija.

Intant l-Inġinier Fredrick Azzopardi, l-Executive Chairman tal-Kumpanija, fi stqarrija faħħar il-ħidma tal-ħaddiema tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, li għamlu ħilithom biex jirranġaw il-ħsarat u jagħtu lura l-provvista lill-klijenti. Irringrazzja wkoll lill-impjegati tan-Network Control Room u tal-Customer Care tal-Kumpanija, li mexxew ix-xogħol ta’ tiswijiet kif ukoll ir-rispons għat-talbiet ta’ għajnuna mingħand il-klijenti. “Nixtiequ wkoll nirringrazzjaw lill-Pulizija, lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u entitajiet oħrajn, kif ukoll lill-pubbliku li għenu lill-ħaddiema tal-Enemalta f’dan ix-xogħol,” kompla jgħid l-Inġinier Azzopardi fl-istess stqarrija.

L-istqarrija ta’ l-Enemalta spjegat li l-kumpanija allokat għadd ta’ ħaddiema addizzjonali biex iwettqu t-tiswijiet meħtieġa fl-inqas ħin possibbli. Ingħatat priorità f’inħawi fejn il-ħsarat setgħu kienu ta’ periklu għall-klijenti. F’xi każi, il-provvista tal-elettriku ma setgħetx titreġġa’ lura qabel ma waqaf il-maltemp, peress li jkun ta’ periklu li l-ħaddiema jagħmlu t-tiswijiet f’dawn il-kundizzjonijiet.