Lokali

Deborah Schembri tiddefendi l-ħatra ta’ Sai Mizzi

Fil-programm Reporter mxandar fuq PBS, it-Tnejn li għadda, d-deputat Laburista Deborah Schembri iddefendiet il-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi li għandha salarju ta’ Є13,000 fix-xahar. Deborah Schembri tat definizzjoni ta’ neputiżmu meta qalet li “nepotiżmu huwa meta inti tiffavorixxi persuna illi li kieku ma kienitx tiġi minnek ma kontx itijulha l-appointment għax mhux kapaċi.” Deborah Schembri iddefendiet l-ħatra ta’ Sai Mizzi għax sostniet li hija kapaċi iżda ma tatx dettalji dwar dawn il-kwalifiki li ma ġewx skrutinati fi proċess ta’ ghażla ta’ applikazzjonijiet għal din il-ħatra. Deborah Schembri kompliet li Sai Mizzi “għandha l-expertise kollu u m’għandiex il-post għax hija l-mara tal-Ministru.”

Deborah Schembri kompliet tiddefendi l-ħatra diretta ta’ mara ta’ Ministru u qalet li ma taqbilx li jkun hemm sejħa ghall-applikazzjonijiet. Hi qalet “il-fatt li nisma’ Sai Mizzi ma nafx kemm il-darba fil-Parlament, turtani anke bħala mara. Mara ta’ Ministru qed ngħidu li trid toqgħod żaqqa mas-sink, mhix kapaċi f’ċertu pożizzjonijiet? U tridu tgħidu li għax mara ta’ Ministru….. Tridu tiddiskriminaw magħha għax hija l-mara tal-Ministru.”

Waqt il-programm, il-Viċi Kap tal-PN, Mario de Marco sostna li “Sai Mizzi jista’ jkollha l-kwalifiki kollha imma l-fatt li hija l-mara ta’ Ministru jfisser li m’għandux ikun hemm direct order imma għandu jkun hemm sejħa biex kulħadd jista’ japplika.” Hu staqsa lil Deborah Schembri kemm il-darba dwar x’inhi l-problema li jkun hemm sejħa għall-applikazzjonijiet iżda Deborah Schembri baqgħet tiddefendi il-ħatra diretta tal-mara tal-Ministru f’kariga b’salarju ta’ Є13,000 fix-xahar.