Lokali

Ftehim bejn WE ARE u WriteMeAnything.com

L-għaqda tal-istudenti ‘We Are’ laħqet ftehim mal-kumpanija WriteMeAnything.com bil-għan li WE ARE tkun tista’ twassal il-messaġġ tagħha ta’ tolleranza b’aktar effettivita’.

WE ARE issa daħlet fil-ħames sena tagħha u hija l-unika għaqda tal-istudenti LGBTQQI. Ibbażata fl-Universita’ ta’ Malta, WE ARE tirrappreżenta żgħażagħ u studenti LGBTQQI fuq livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali. Minn żmien għal żmien torganizza workshops dwar numru ta’ temi, fosthom il-ġeneru, is-sesswalita’, l-omofobija u t-transofobija.

Il-President ta’ WE ARE, Emma Portelli Bonnici qalet li m’hemm l-ebda dubju li l-affarijiet għall-komunita’ LGBTQQI tjiebu fl-aħħar snin, madanakollu studenti u żgħażagħ LGBTQQI għad għandhom bżonn vuċi li titkellem f’isimhom. Spjegat li l-ftehim ma’ WriteMeAnything.com żgur li se jara l-messaġġ tal-WE ARE jintlaħaq ma’ sezzjoni akbar tal-pubbliku.

Il-ftehim bejn WE ARE u WriteMeAnything.com jinkludi ħidma mit-tim ta’ awturi ta’ din il-kumpanija biex jipprovdu mhux biss kontenut professjonali, iżda anke’ servizz ta’ konsultazzjoni lil din l-għaqda tal-istudenti.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ WriteMeAnything.com, Jo Caruana, qalet li din hija opportunita’ tad-deheb li se tara l-vuċi ta’ min jista’ jagħmel differenza tingħata aktar prominenza.

Ritratt: Mill-paġna uffiċjali ta’ WE ARE fuq Facebook