Ekonomija Kummerċ Lokali

Futur inċert għall-ħaddiema ta’ More Supermarkets

Kuntrarju għal dak li ġara dejjem – minn kemm ilha taħdem il-katina More Supermarkets – fi tmiem ix-xahar ta’ Ottubru l-ħaddiema li fadal ma’ More Supermarkets ma ngħatawx il-pagi dovuti lilhom fil-ħin, u kien biss fl-aħħar 48 siegħa li dawn ingħataw is-salarji dovuti lilhom.

Ħaddiema li f’dawn il-jiem tkellmu magħna urew it-tħassib tagħhom dwar dan, aktar u aktar wara li ngħataw verżjonijiet differenti meta staqsew għaliex kienu qed jingħataw il-paga tagħhom tard u dwar kemm l-impjieg tagħhom għadu wieħed sigur.

“Qabel ma ħadna l-paga kien hemm min qalilna li l-paga se neħduha llum…imbagħad jasal illum, u nibqgħu bla paga. Fl-aħħar issa ħadnieha. Għalkemm jien diżappuntat ħafna li kien hemm min kien qed jevitana. Kien hemm l-HR Manager li tinsab fil-Head Office f’Birkirkara li saħansitra bdiet tevita milli twieġeb il-mowbajl jew it-telefown u għalhekk aħna bqajna mingħajr tweġiba,” qalilna wieħed mill-impjegati li jservi fis-Supermarket tal-Mosta.

Dan qalilna li mhux biss naqsu sew il-klijenti, iżda fl-aħħar ġimgħat seta’ josserva wkoll li naqsu sew il-prodotti fuq l-ixkafef tas-supermarkets.

“Iva, naqsu sew is-suppliers. Għandna ammont ta’ xkaffar li mhux mimli, kollox jindika li għandna quddiemna futur inċert ħafna.”

Kompla li fl-aħħar ġimgħat tnaqqsu sew il-ħaddiema minn ma’ More. U osserva wkoll mhux biss tnaqqis ta’ klijenti, imma anki ta’ prodotti fuq l-ixkaffar tas-supermarkets.

Tkellimna ma’ ħaddiem ieħor li qal li hu għandu kummenti negattivi wkoll dwar l-għajnuna li sab mil-Labour Office. “Ma jagħtuk sodisfazzjon ta’ xejn. Fl-għama konna u fl-għama għadna. Sal-Ħamis konna għadna bla paga… kien hemm min qalilna li m’hemmx flus… dwar il-futur tagħna ma nafux x’se jiġri. L-agħar li bħali ħafna mill-kollegi għandhom il-commitments tagħhom u l-loans xi jħallsu, u għalhekk problema meta l-pagi ma joħorġux fil-ħin,” qalilna dan iż-żagħżugħ.

Kif kien żvela l-ġurnal ‘In-Nazzjon’ f’Ottubru li għadda, il-katina More kienet intlaqtet ħażin ħafna minn djun kbar li ħarġu fil-beraħ fl-aħħar ġimgħat. Sa April, More kienet titmexxa minn Ryan Schembri li ilu maħrub minn Malta minn Settembru li għadda u li s’issa ftit huma dawk li għandhom informazzjoni konkreta fejn jista’ jinstab.

Minn meta l-kumpanija biddlet l-idejn u ħarġet fil-beraħ l-istorja – pubblikata minn dan il-ġurnal – dwar il-qagħda finanzjarja xejn feliċi ta’ More, il-kredituri mmullaw bis-serjetà u saru laqgħat mat-tmexxija ta’ More biex tkun riżolta din is-sitwazzjoni.

Min-naħa tagħha, it-tmexxija ta’ More spjegat lill-kredituri numru ta’ miżuri li kienet se tieħu, fosthom l-għeluq ta’ erbgħa mis-sitt stabbilimenti li għandha f’Malta. Fil-fatt matul il-ġimgħat li għaddew għalqu l-istabbilimenti fil-Ħamrun, fil-Belt Valletta, f’San Ġiljan u l-Fgura u tħallew miftuħin biss dawk ta’ Ħaż-Żebbuġ u l-Mosta.

F’mument minnhom f’Ottubru wkoll il-Korporazzjoni Enemalta qatgħet il-provvista tad-dawl tas-supermarkets fil-Ħamrun u f’Ħaż-Żebbuġ minħabba li l-kumpanija kienet waqgħet lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Is-supermarket f’Ħaż-Żebbuġ kien baqa’ miftuħ biss bis-saħħa ta’ generator kbir li kien inkera mingħand il-kumpanija Nexos.

Minn aktar investigazzjonijiet li għamilna matul dawn il-jiem, fosthom billi tkellimna wkoll ma’ xi suppliers, irriżulta – dejjem skont huma – li s-sitwazzjoni li jinsab fiha More llum hi waħda diffiċli ħafna biex joħroġ minnha.

Kreditur partikulari kbir qalilna li għalkemm huma qed jgħinu lil More u jissupplixxuh bil-prodotti tagħhom, dak li qed jinnutaw hu li naqset sew il-fiduċja tal-klijenti u din hi l-agħar ħaġa li tista’ tiġrilu supermarket… dik li jabbandunawh ukoll il-klijenti.

Mistoqsi jekk lejlet l-istaġun tal-festi l-affarijiet jistgħux jirpiljaw, dan il-kreditur qalilna “jiddependi kemm More huma b’saħħithom biex jarmaw għal dawn iż-żminijiet. Jekk More tagħmel injezzjoni pożittiva, allura taf terġa’ tibda ddawwar ir-rota u tiġbed lura l-klijenti. Madankollu ma’ dawn wieħed irid jorbot ukoll kampanji ta’ reklamar u marketing.”

Dan il-kreditur kompla jispjegalna li mbagħad hemm sitwazzjoni oħra delikata, dik li anki l-kredituri donnhom aktar moħħhom biex jassiguraw id-dħul tagħhom. “U ma tagħti tort lil ħadd. Jekk is-sitwazzjoni f’More tibqa’ sejra lura, allura aktar kredituri jitħajru jiġbru l-prodotti tagħhom u jibdew in-negozjati dwar kif se jitħallsu l-flus li għandhom jieħdu. Xenarju kumplikat ħafna. Imma l-awgurju tiegħi hu li dan is-supermarket jirkupra għax b’hekk biss jista’ jqum fuq saqajh hu, u aħna nitħallsu l-flus li għandna nieħdu.”