Il-Gvern Laburista qed ikaxkar saqajh biex jibda jagħmel użu mill-fondi Ewropej għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliem tal-PN dwar il-Fondi Ewropej Marthese Portelli qalet li ninsabu fil-11-il xahar ta’ din is-sena u l-Gvern Malti għadu ma ssottomettiex il-programm operattiv ta’ kif se jintużaw il-fondi.
Il-Programm operattiv hu l-lista ta’ proġetti li beħsiebu jwettaq il-Gvern bil-biljun u 128 miljun ewro innegozjati mill-amministrazzjoni preċedenti.
Marthese Portelli qalet li 24 minn 28 Stat Membru tal-UE, diġa ssottomettew il-programmi operattivi tagħhom, u Malta huwa wieħed mill-aħħar pajjiżi li għadu m’għamilx dan.
Il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista spjegat ukoll li l-fondi allokati għall-perjodu 2007 – 2013 għandhom ċans jintużaw sal-2015, u allura l-Gvern għandu jara li l-proġetti kollha pjanati bl-użu ta’ dawn il-fondi għandhom jitwettqu, għax inkella jintilfu fondi importanti għall-Malta.
Dwar it-tħassib għall-mod kif il-Gvern għadu ma qalx lill-Unjoni Ewropea kif se juża il-biljun ewro f’fondi assigurati mill-Gvern Nazzjonalista għall-perjodu 2014-202, tkellem ukoll il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Presidenza tal-UE u l-Fondi Ewropej Antoine Borg.
Hu qal li Malta għandha Gvern bla prioritajiet u li jippreferi jonfoq il-fondi Ewropej fir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru minflok fl-Edukazzjoni u f’programmi ta’ taħriġ biex jonqos il-qgħad.
Antoine Borg spjega li l-Unjoni Ewropea tagħti l-flus għall-progetti li jkunu saru wara li l-proġetti jiġu sottomessi u approvati u wara li jitwettqu – u allura, jekk il-Gvern se jdum biex jgħid lill-Unjoni Ewropea x’beħsibu jagħmel bil-biljun ewro li kien assigura Gvern Nazzjonalista, allura il-pajjiż se jdum ħafna aktar biex jirċievi dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>