Internazzjonali

Jammettu li qatlu l-istudenti fil-Messiku

Numru ta’ rġiel suspettati bħala membri ta’ kartel tad-droga fil-Messiku ammettew li qatlu ‘l fuq minn 40 student li ilhom neqsin għal sitt ġimgħat.

L-Avukat Ġenerali tal-Messiku, Jesus Murillo, qal li l-allegati kriminali sostnew li l-istudenti maqtula kienu ttrasferiti għal għand il-membri tal-kartel mingħand il-pulizija. L-arrestati rrakkuntaw li wħud mill-istudenti kienu ‘fgati diġa’ u li t-traffikanti tad-droga, imbagħad, fetħu n-nar fuq l-oħrajn sakemm qatluhom. Mifhum ukoll li l-katavri tal-istudenti ngħataw in-nar aktar tard.

F’Settembru li għadda kienu għebu ‘l fuq minn 40 student wara li ġġieldu mal-pulizija fil-belt Messikana ta’ Iguala. Kelliema għall-familji tal-vittmi qalu, intant, li m’humiex se jaċċettaw li l-għeżież tagħhom huma mejtin qabel ma toħroġ il-konferma mill-esperti tal-forensika Arġentini li qed jaħdmu fuq il-każ.

Intant, il-qattiela suspettati, li huma membri tal-grupp Guerreros Unidos tat-traffikanti tad-droga, kienu arrestati ftit tal-jiem ilu proprju b’konnessjoni  mal-għajbien tal-istudenti