Futbol Sport

Juventus bil-mira li jkabbru l-vantaġġ

Il-liders tas-Serie A Juventus jilqgħu Parma bit-tama li jkomplu jibnu fuq il-mument tajjeb li għadejjin minnu u jkabbru l-vantaġġ fis-Serie A.

It-tim ta’ Massimiliano Allegri l-ġimgħa l-oħra, reġa’ fetaħ vantaġġ ta’ tliet punti fuq Roma wara li rkupra tajjeb mit-telfa kontra Genoa b’rebħa kontra Empoli, waqt li Roma żelqu għand Napoli.
Issa ċ-Champions Taljani wara s-suċċess fuq Olympiacos 3-2 fl-Ewropa, jerġgħu jixħtu l-attenzjoni fuq is-Serie A meta quddiemhom se jsibu lil Parma li se jipprova jwaqqfuhom milli jiksbu t-tielet rebħa konsekuttiva fil-kompetizzjonijiet kollha.

Parma ta’ Roberto Donadoni ukoll huma fiduċjużi imma minkejja li temmew serje ta’ sitt telfiet konsekuttivi b’wirja impressjonanti kontra Inter fl-aħħar ħarġa, għandhom taħt pressjoni.

Allegri se jkollu jilgħab mingħajr Kwadwo Asamoah li reġa’ weġġa’ rkobbtu t-Tlieta imma l-akbar problema ta’ Allegri hi l-istess li kellu tul dan l-istaġun, jekk jilgħabx fl-attakk lil Alvaro Morata jew Fernando Llorente flimkien ma’ Carlos Tevez.

It-telfa ta’ Roma l-ġimgħa l-oħra tfisser li r-rivali mill-istess belt Lazio, jistgħu jaqbżuhom jekk jirbħu għand Empoli għalkemm it-tim ta’ Rudi Garcia jista’ jevita dan kollu jekk jirbaħ lil Torino.

Sampdoria kellhom serje ta’ partiti diffiċli kontra Fiorentina, Inter u Roma fit-tliet ħarġiet preċedenti. Imma t-tim ta’ Sinisa Mihajlovic għadu sitt punti taħt Juventus qabel jilqgħu lil Milan illum.
Atalanta jmorru għand Sassuolo fil-partita l-oħra tal-lum bl-organizzaturi jimmiraw li jagħmluhom erba’ l-partiti bla telfa li ppermettewlhom jitilgħu fl-14-il post.

Tnejn mit-tliet timijiet tal-qiegħ jiltaqgħu f’Verona hekk kif Chievo jilagħbu kontra Cesena biż-żewġ naħat iddisprati li jieħdu l-ewwel rebħa wara aktar minn xahrejn.

Napoli ilhom seba’ partiti fis-Serie A ma jitilfu u jistgħu jżommu pressjoni fuq il-liders b’riżultat pożittivi mill-vjaġġ tagħhom għand Fiorentina.

Ħames postijiet u erba’ punti qed jifirdu lil Udinese u Palermo imma dan ftit jimporta meta t-tim ta’ Giuseppe Iachini għada jilgħab f’darhu bit-tama li jżid mar-rebħiet kontra Milan u Chievo. Min-naħa l-oħra Inter jippruvaw jirkupraw mit-telfa għand Parma meta jiqlgħu lil Verona f’San Siro u Genoa jippruvaw ikomplu bil-forma tajba għand Cagliari.