Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

KKLPN tesprimi solidarjeta’ ma’ Samuel Azzopardi

Fi stqarrija l-Kulleġġ Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) esprima solidarjeta’ mal-Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Samuel Azzopardi wara li waqt l-ewwel sessjoni tal-laqgħa tas-Sindki li bħalissa qed issir f’Għawdex qal li huwa ma kienx se jaċċetta li jippresjedi l-laqgħa minħabba li ġie njorat għal kollox l-Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali tant li dan lanqas biss iltaqa’ biex jiddiskuti l-aġenda għal-Laqgħa tas-Sindki.

Fl-istqarrija ntqal li Samuel Azzopardi qal li l-Laqgħa tas-Sindki għandha tiddiskuti temi ta’ natura importanti u urġenti bħal ma huma l-allokazzjoni finanzjarja għas-sena d-dieħla u miżuri oħra biex jissaħħu l-Kunsilli Lokali f’pajjiżna. Dan jgħodd aktar u aktar meta qegħdin biss ftit jiem il-bogħod mit-tħabbira tal-Budget għas-sena 2015. Minflok, waqt il-Laqgħa tas-Sindki qegħdin jiġu diskussi suġġetti li mhumiex l-aktar importanti għall-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti fil-lokalitajiet. Samuel Azzopardi sostna li l-Laqgħa tas-Sindki għandha sservi biex jittieħdu pożizzjonijiet konkreti u mhux biex isir diskors fieragħ.

KKLPN spjegat kif Samuel Azzopardi kompla jsegwi l-laqgħa flimkien ma’ sħabu s-Sindki li kien hemm preżenti fis-sala fejn qed issir il-laqgħa. B’sens ta’ appoġġ il-membri l-oħra eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq l-Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Graziella Galea u Peter Bonello, ma baqgħux jsegwi l-laqgħa minn ħdejn il-bqija tal-membri tal-Assoċjazzjoni iżda sabu posthom ħdejn il-bqija tas-Sindki Maltin u Għawdxin temmet tgħid l-istqarrija.