Persuni fl-akkomodazzjoni soċjali qed jinħasdu meta qed jirċievu kontijiet għoljin tal-kera tagħhom. Wieħed mill-persuni milquta tkellem ma’ MaltaRightNow u spjega li l-kont tiegħu għall-kirja tal-akkomodazzjoni soċjali żdied b’seba’ darbiet iktar mill-kera li kien iħallas sa ftit tax-xhur. Hu spjega li minn kont ta’ Є27 fis-sena, issa rċieva notifika li l-kont tela’ għall-Є197 jiġifieri kważi Є200. Din il-persuna li xtaqet tibqa’ anonima qalilna li nħassad meta sab dan il-kont. Hu spjega li ma kienx avżat bl-ebda mod li kien se jkun hemm din iż-żieda. Din il-persuna qalet li hi għandha biss dħul mill-benefiċċji soċjali ta’ madwar Є400 fix-xahar u li ma tistax tħallas dan il-piż żejjed li ġie fuqu bla mistenni.
Din l-persuna ċemplet lid-Dipartiment tal-Artijiet biex tressaq l-ilment tagħha. Filwaqt li ġie spjegat lilha li kienet inbidlet l-liġi tal-kera fl-2010, ir-rappreżentant tad-Dipartiment tal-Artijiet ma’ qalitx li Gvern Nazzjonalista minkejja l-jedd li jgħoli l-kera tal-akkomodazzjoni soċjali kien għażel li ma’ jagħmilx dan. Mhux l-istess għamel Gvern Laburista li għola l-kera li minkejja li wiegħed li se jeradika l-faqar għola l-kirja tal-akkomodazzjoni soċjali. Fit-telefonata, ir-rappreżentant tad-Dipartiment tal-Artijiet qalet li mhux magħruf jekk fil-budget li jmiss il-kirja tista’ terġa tgħola jew tinbidel.
Il-persuna li rcieviet dan il-kont staqsiet jekk dan japplikax għall-persuni b’diżabilita’ hekk kif din il-persuna hija persuna b’dizabilita’. Ir-rappreżentant tad-Dipartiment tal-Artijiet ssuġeriet li din il-persuna għandha ċċempel l-Awtorità tad-Djar biex ticcekja jekk għandix sussidju minħabba id-diżabilità iżda l-persuna ċemplet ħames darbiet u kull darba bdiet tinqata’ l-linja. Għalhekk din il-persuna se jkollha tmur fiżikament biex tiċċekja jekk għandix sussidju.
//= $special ?>


