L-International Atomic Energy Agency (IAEA) qalet li l-Iran qed iżomm lura milli jwieġeb il-mistoqsijiet dwar il-programm nukleari tiegħu. Dan meta jonqos ftit ġimgħat għal deadline b’konnessjoni ma’ ftehim nukleari bejn Tehran u l-potenzi tad-dinja.
L-IAEA qalet li l-Iran qed jirrispetta ftehim biex irażżan il-proċess għall-irraffinar tal-uranjum li jista’ jintuża fil-produzzjoni tal-armi nukleari. Iżda l-BBC ra rapport kunfidenzjali tal-istess aġenzija li jsostni li l-IAEA ma għamlet l-ebda progress bl-investigazzjoni dwar id-dimensjonijiet militari potenzjali tal-programm Iranjan.
Mistenni li, bejn illum u għada, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, John Kerry, ikollu aktar taħditiet, f’Oman, mal-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Mohammad Javad Zarif u mal-eks-Kap tal-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea, Catherine Ashton.
Id-deadline għall-ftehim nukleari storiku hu stabbilit fl-24 ta’ Novembru u s-Segretarju Kerry ċaħad kategorikament li l-Istati Uniti offriet li tiddiskuti l-kooperazzjoni mal-Iran fil-ġlieda kontra l-militanti Iżlamiċi, dment li jintlaħaq il-ftehim nukleari ma’ Tehran.
//= $special ?>