Lokali Qorti Unjoni Ewropea

Malti jirbaħ kumpens ta’ 445,000 Ewro wara li ma ngħatax kumpens għal 40 sena

Każ ta’ Malti li fis-sebgħinijiet il-Gvern ħadlu l-art fl-Imsida biex bena ġibjun tressaq quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bil-qorti tiddeċiedi li r-raġel għandu jingħata kumpens ta’ 445,000 Ewro minħabba li ma ngħatax kumpens għal 40 sena.

Il-każ jikkonċerna lil Peter Azzopardi li kellu 772 metru kwadru ta’ art fl-Imsida u li f’Ottubru 1974 il-gvern Malti ta’ dak iż-żmien kien espropriha biex fuqha jibni l-ġibjun. Azzopardi kien id-direttur tal-kumpanija Canadian Brothers.

F’Ġunju 1992 Azzopardi kien offrut 18,000 ewro iżda din l-offerta ma kinitx aċċettata bil-kontro-proposta tiegħu tkun dik ta’ 559,000 Ewro.

Azzopardi kien repetutamnent jappella lill-Kummissarju tal-Artijiet biex jibdew il-proċeduri għall-kumpens tal-art li l-Gvern ħadlu. Sal-2000, il-Kummissarju tal-Aritjiet ma kinx għadu beda proċeduri quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Art biex ikun determinat il-kumpens u għalhekk Azzopardi fetaħ kawża kostituzzjonali.

F’din il-kawża Azzopardi qal li d-deċiżjoni tal-gvern fl-1974 wassslet biex ittieħditlu propjeta tiegħu mingħajr ma rċieva kumpens li għalih hu għandu dritt. Hu sostna wkoll li dan il-kumpens ma kienx ingħata fi żmien raġonevoli. F’Novembru 2010 l-Qorti Ċivili ddeċidiet kumpens ta’ 25,000 ewro favur Azzopardi iżda Azzopardi appella bis-sentenza tkun konfermata. F’Jannar 2004 il-Kummissarju tal-Artijiet beda wkoll proċeduri quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ biex ikun determinat lil-kumpens. Tul dan il-perjodu Azzopardi baqa’ jħallas ir-renta ta’ 183 ewro fuq l-art.

Kien f’Mejju 2012 li Azzopardi ħa l-każ quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li deċiedet li l-Gvern kien mexa skont il-liġi meta ħa l-art għaliex dan kien fl-interess pubbliku.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ewropea enfazizzat l-aktar id-dewmien biex Azzopardi ingħata kumpens u l-fatt li wara 40 sena Azzopardi għadu ma nghatax kumpens.