Futbol Sport

Naxxar jgħelbu lil Sliema u jiksbu t-tieni rebħa

Naxxar kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta f’konfront kwiet għelbu lil Sliema Wanderers 1-0 b’awto-gowl sfortunat. Naxxar ma serqu xejn mill-partita għaliex għarfu jagħlqu l-ispazji tajjeb b’Sliema jkunu foqra biex jagħmlu reazzjoni.

Għas-Slimiżi din kienet it-tieni telfa konsekuttiva u jidher li l-inklużjoni ta’ Stephen Azzopardi bħala kowċ sa issa mhux tħalli l-effett mixtieq.

Il-kowċ Slimiż għamel żewġ bidliet mit-telfa kontra Birkirkara meta Filippo Talato irritorna minn sospensjoni u ħa post is-sospiż Andrea Pisanu filwaqt li Barbetti ġie preferut minn Marko Potezica.
Il-kowċ ta’ Naxxar Jesmond Zerafa għamel ukoll żewġ bidliet mir-rebħa kontra Pieta Hotspurs b’David Reano u Victor Bellia jieħdu post Sidney da Silva u Mattia del Negro.

Sliema ħarġu fuq l-offensiva minn kmieni u wara biss żewġ minuti marru viċin meta xutt ta’ Mark Scerri ġie klirjat fuq il-linja filwaqt li x-xutt ta’ Fabio Mangiacasale ġie mblukkat għal korner b’mod providenzjali. Is-Slimiżi kom fis-7 minuta meta Gnabouyou qassam lejn Mangiacasale li iżda kellu x-xutt blokkat minn Azzopardi.

Naxxar wieġbu fit-8 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Gilmar da Silva Ribeiro li Glenn Zammit tar minn tulu biex salva tajjeb. Tliet minuti wara Eminike prova b’xutt djagonali li għadda barra. Fil-15-il minuta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Barbetti għadda ftit għoli.

Sliema laqtu l-lasta fit-33 minuta meta xutt-kross ta’ Barbetti niżel fuq il-mimduda. Iżda kienu Naxxar li marru fil-vantaġġ fl-34 minuta meta Gilmar qabad ballun minn nofs il-grawnd avvanza u qassam lejn Eminike iżda daħal John Mintoff u fit-tentattiv li jeħles il-periklu qarraq bil-gowlkiper Zammit u tefa’ fix-xibka tiegħu stess.

Sliema marru viċin id-dro fit-48 minuta meta Mangiacasale qassam lejn Michael Mifsud li prova b’xutt fil-baxx iżda għadda ftit barra. Tliet minuti wara minn kross ta’ Gatt Baldacchino, d-daqqa ta’ ras ta’ Talato għaddiet barra.

Naxxar marru viċin li jirduppjaw fil-61 minuta meta free-kick ta’ Gilmar ta l-illużjoni tal-gowl iżda x-xutt għadda ċentimetri barra. Sliema kellhom jispiċċaw il-partita b’għaxar plejers meta Filippo Scozzese ntwera t-tieni karta safra.

Minkejja li kienu b’raġel anqas, Sliema pruvaw l-aħħar tentattivi iżda għajr free-kick għoli ta’ Trevor Cilia ma kinux perikolużi tant li Naxxar kellhom ċans għat-tieni gowl iżda minn quddiem il-lasta s-sostitut Terence Vella spara għoli.