Il-Ħadd laħqu l-qofol tagħhom iċ-ċelebrazzjonijiet li fakkru l-25 anniversarju mill-‘waqgħa’ tal-Ħajt ta’ Berlin’ – ħajt li għal 28 sena kien simbolu tal-firda fid-dinja bejn l-ideoloġiji politiċi, il-libertà u r-ripressjoni.
Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, li 25 sena ilu kienet tgħix fil-Ġermanja tal-Lvant taħt ditattura, f’diskors tal-okkażjoni, qalet li l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin kien wera lid-dinja li l-ħolm jista’ jsir realtà u xejn ma għandu jibqa’ kif inhu. Hi qalet li l-messaġġ għal dawk il-pajjiżi fejn id-drittijiet kienu mhedda kien li l-affarijiet setgħu jitjiebu.
Il-Ħajt kien inbena fl-1961 biex irażżan in-nies milli jaħarbu lejn il-Punent. Kien twil 155 kilometru imma llum fadal biss tliet kilometri. Uffiċjalment 139 persuna mietu jippruvaw jaqsmu l-Ħajt lejn il-Punent imma studjużi jemmnu li ċ-ċifra hi ferm ogħla.
25 sena ilu waqgħa l-Ħajt


