Internazzjonali

25 sena mit-twaqqigħ tal-ħajt ta’ Berlin

Madwar il-Ġermanja qed isiru ċelebrazzjonijiet u avvenimenti ta’ kommemorazzjoni li qed jimmarkaw il-25 sena mit-twaqqiegħ tal-ħajt ta’ Berlin.

Kunċerti u esebizzjonijiet qed jinżammu madwar il-belt kollha, bil-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel aktar tard se tattendi avveniment kbir ‘open air’ biswit il-famuża Brandenburg Gate.

Il-ħajt ta’ Berlin kien inbena fl-1961 biex iwaqqaf l-immigrazzjoni mill-Ġermanja Kommunista tal-Lvant lejn il-Ġermanja tal-Punent.

Il-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin fl-1989 kien ġie interpretat bħala simbolu qawwi tat-tmiem tal-Gwerra Bierda.

Matul l-avvenimenti li qed isiru, Angela Merkel se tkun akkumpanjata mill-eks mexxej Pollakk Lech Walesa u mill-aħħar mexxej tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev.