Futbol Sport

Bundesliga: Bayern jirbħu b’hat-trick ta’ Muller

Iċ-Champions Bayern Munich komplew bis-sensiela ta’ rebħiet fil-Bundesliga fejn iddominaw għal kollox lil Eintracht Frankfurt minkejja li kienu qed jilgħabu barra minn darhom; b’Thomas Muller jiskorja hat-trick fir-rebħa 4-0 fil-Waldstadion.

Minkejja l-aħħar impenji diffiċli fil-league u fl-Ewropa – b’mod partikolari l-konfront tal-ġimgħa l-oħra ma’ Borussia Dortmund u l-logħba ta’ nofs il-ġimgħa kontra Roma fiċ-Champions League – it-tim ta’ Pep Guardiola qed jirnexxilu jżomm ċerta konsistenza meta issa fetaħ vantaġġ ta’ seba’ punti f’ras il-klassifika.

Madankollu, ir-rebħa impressjonanti fuq Frankfurt kienet biss it-tieni waħda ta’ Bayern barra minn darhom f’dan l-istaġun, bil-liders tal-Bundesliga rari jfallu l-punti fl-Allianz Arena.

Filwaqt li Eintracht adottaw logħba prudenti, Bayern kellhom jistennew biss sat-23 minuta biex jiftħu l-iskor, meta Muller ikkonkluda mill-viċin wara azzjoni bejn Franck Ribery u Robert Lewandowski.

Frankfurt wieġbu għall-iżvantaġġ b’tentattivi ta’ Haris Seferovic u Alexander Meier li fallew il-bersall bi ftit, bl-iskor ma jinbidilx sal-mistrieħ.

Fit-tieni taqsima it-tim ta’ Thomas Schaaf ħareġ ifittex id-draw, iżda kienu Bayern li għalqu kull diskors, b’Muller juri opportuniżmu tipiku b’żewġ gowls oħra bejn l-64 u s-67 minuta. Minn dak il-ħin, Eintracht Frankfurt ma kellhom l-ebda tweġiba u Bayern setgħu jamministraw il-vantaġġ sa ħames minuti mit-tmiem, meta Sherdan Shaqiri sab ix-xibka għar-raba’ gowl u poker għal Ribery u sħabu.

It-tim fit-tieni post, Wolfsburg, illum huma impenjati f’darhom kontra Hamburg, waqt li Borussia Moenchengladbach, li jinsabu t-tielet bl-istess punti (20) daqs Wolfsburg, jilgħabu fil-Wesfalenstadion kontra Borussia Dortmund li, b’sorpriża, jinsabu f’qigħ il-Bundesliga b’seba’ punti biss.

Minkejja li sejrin tajjeb fiċ-Champions League, Bayer Leverkusen mill-ġdid fallew milli jżommu l-pass mal-liders meta kienu miżmuma fi draw, 0-0, ma’ Mainz. B’hekk Leverkusen jinsabu s-sitta fil-Bundesliga bi 17 il-punt, tnejn anqas minn Hannover, li, nhar il-Ġimgħa, għelbu lil Hertha Berlin 2-0 barra minn darhom, b’doppjetta ta’ Hiroshi Kiyotake.

Il-logħba bejn Hoffenheim u Cologne ipproduċiet seba’ gowls u spiċċat b’rebħa għal Cologne, bil-gowl ta’ Pawel Olkowski jiddeċiedi l-konfront, seba’ minuti mit-tmiem.

Hoffenheim kisbu vantaġġ bikri minn Adam Szalai wara biss tliet minuti, iżda Cologne wieġbu żewġ minuti wara minn Olkowski, bit-tim ta’ Peter Stoger iżid żewġ gowls oħra minn Matthias Lehmann u Anthony Ujah.

Kien imiss lil Hoffenheim li jiskurjaw darbtejn minn Roberto Firmino bejn id-39 u l-45 minuta, bil-logħba tibqa’ miftuħa sal-aħħar, sakemm Olkowski qabad ballun barra l-kaxxa u sab ir-rokna tax-xibka b’xutt qawwi li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Oliver Baumann.