Chelsea saħħew posthom f’ras il-Premiership wara li rnexxielhom idawwru telfa f’rebħa kontra Liverpool f’Anfield Road, bi Diego Costa jagħmel id-differenza għall-Blues, bl-għaxar gowl tiegħu tal-istaġun.
It-telfa 2-1 hi l-ħames tal-istaġun għal Liverpool u kompliet is-sekwenza ta’ riżultati negattivi għar-Reds li jidhru biss dell tat-tim li resaq viċin it-titlu fl-istaġun li għadda — bin-nuqqas ta’ Luis Suarez, li ingħaqad ma’ Barċelona fis-sajf, qed jinħass aktar minn qatt qabel.
Fl-aħħar tal-istaġun li għadda kienu proprju Chelsea, ta’ Jose Mourinho, li taw id-daqqa mortali lit-tamiet tar-Reds li jirbħu l-ewwel kampjonat mill-istaġun 1989-90 meta għelbuhom 2-0 f’Anfield, b’gowls ta’ Demba Ba u Willian.
Intant, Liverpool ippreparaw bis-sħiħ għall-konfront talbieraħ f’Anfield waqt li, f’nofs il-ġimgħa serrħu ħafna plejers regolari għal-logħba ma’ Real Madrid fiċ-Champions League. Madankollu, it-tattika falliet, bil-Blues jidhru superjuri għal ħafna ħinijiet u fejn kien jimmeritahom din ir-rebħa minkejja li Liverpool temmew il-logħba fuq l-attakk u anki ħolqu xi mumenti ansjużi għall-gowlkiper, Thibaut Courtois.
Liverpool fetħu fuq nota tajba u marru fil-vantaġġ wara 9 minuti, meta x-xutt ta’ Emre Can ħabat ma’ Gary Cahill u xxellef għal ġewwa. Iżda d-draw ta’ Chelsea kien fl-ajru u wasal wara kwarta logħob, meta Cahill ikkonkluda fuq assist ta’ Costa wara l-corner ta’ Cesc Fabregas. Il-gowl kellu jkun konvalidat bil-goalline technology wara li l-ballun qabeż il-linja qabel kien ‘salvat’ mill-gowlkiper, Simon Mignolet.
Wara l-mistrieħ, Chelsea ħadu kmand ta’ nofs il-ground, b’Eden Hazard ikun ta’ xewka kontinwa għad-difiża ta’ Liverpool. Intant, il-gowl deċiżiv wasal fis-67 minuta meta l-ballun spiċċa f’saqajn Costa li ma żbaljax, wara li Mignolet kien salva b’diffikulta il-cross ta’ Cesar Azpilicueta. Minn dak il-ħin Chelsea iddefendew b’għaqal kontra l-attakki ddisprati ta’ Liverpool, biex żammew l-imbattibilita mill-bidu tal-istaġun.
//= $special ?>

