Diversi indikjazzjonijiet juru bl-aktar mod ċar li l-proċess imniedi mill-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’April tas-sena li għaddiet u li wassal biex fil-jiem li għaddew il-kumpanija Eden Leisure Group tingħata l-konċessjoni biex tiżviluppa casino f’Malta kien wieħed mhux biss ivvizzjat imma wkoll mħawwar b’irregolaritajiet li joħolqu tħassib serju ħafna.
Dwar dan il-każ, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għamlet sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Gvern waqt li esprimiet tħassib għall-aħbar li l-Qorti ordnat li jieqaf il-proċess tal-għoti ta’ liċenzja għal casino minħabba s-suspetti ta’ irregolaritajiet. Dan kien proċess ilu għaddej sena u nofs, u fejn kulħadd jaf li l-kumpanija li kellha l-aħjar offerta, sa issa rriżulta li ma ntgħażlitx.
Ritratt: – Kevin De Cesare, wieħed mid-Diretturi tal-kumpanija Eden Leisure Group li ngħatat konċessjoni mill-Gvern biex tiżviluppa casino f’Malta
PJAN BIZZILLA LI JQANQAL ĦAFNA SUSPETT
Matul il-jiem li għaddew il-mument investiga bir-reqqa il-proċess li permezz tiegħu, il-kumpanija Eden Leisure Group tingħata l-konċessjoni biex tiżviluppa casino. Dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-Qorti ordnat li jieqaf il-proċess tal-għoti tal-liċenzja lill-Eden Leisure Group minħabba xamma qawwija ta’ irregolaritajiet u għaliex hemm suspetti serji wkoll li l-affarijiet ma sarux b’serjetà.
Mandat mid-Dragonara Gaming Limited
L-allegazzjonijiet tal-kumpanija Dragonara Gaming Limited huma serji ħafna u fil-mandat ippreżentat minnha fil-Qorti tefgħet dawl mhux biss fuq għadd ta’ irregolaritajiet, imma wkoll spjegat kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat bl-għażla li għamel wera li aktar jinteressah li jixtri l-ħut fil-baħar milli li jieħu l-aħjar offerta li saritlu li hi bil-wisq akbar minn dik li għażel.
Muscat iħabbar it-tnedija tas-sejħa għall-Espressjoni ta’ Interess
L-investigazzjoni ta’ il-mument tmur lura għal xahar preċiż wara r-rebħa elettorali tal-Partit Laburista f’Marzu tal-2013. Dakinhar il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qiegħed jagħmel diskors konness mal-preżentazzjoni tal-Baġit għall-kumplament tas-sena 2013, ħabbar li l-Gvern immexxi minnu kien se jniedi proċess ta’ sejħa għall-espressjoni ta’ interess għal investiment ta’ żewġ casinos fil-gżejjer Maltin – wieħed biex ikun stabbilit f’Għawdex u ieħor biex jinfetaħ ma’ dawk li diġà jeżistu f’Malta.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat dakinhar ikkommetta lilu nnifsu li l-proċess ta’ evalwazzjoni għal din is-sejħa kellu jkun wieħed mgħaġġel u trasparenti bl-iskop li dawk interessati jintgħażlu mingħajr ħala ta’ żmien u hekk pajjiżna jkun f’pożizzjoni li joffri żewġ casino ġodda oħra ma’ li għandu.
L-abbozz għas-sejħa tat-tender għand Zammit Lewis
Fl-14 ta’ April tal-2013 kien finalizzat l-ewwel abbozz għas-sejħa tat-tender u dan ingħata lil Edward Zammit Lewis, fdat ħafna mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar bl-iskop li dan jevalwaha, illum Ministru responsabbli mit-turiżmu
L-istess Ministeru ħatar Kumitat bl-iskop li tintagħżel il-kumpanija legali li kellha tgħin fil-proċess ta’ aġġudikazzjoni ta’ din is-sejħa għall-offerta.
Il-Ministru Cardona ma jaqbilx mal-proċess ta’ evalwazzjoni
Fil-ġranet ta’ wara saru diversi attentati mill-Awtorità għal-Logħob u l-Lotteriji u mill-Unit tal-Privatizzazzjoni li bdew jitolbu lill-Ministeru tal-Ekonomija biex jagħtihom il-kriterji gwida fuq kif kienu se jevalwaw l-għażla tal-konsulenti legali għal dan il-proċess.
Fis-6 ta’ Mejju tal-2013, wara li ma kienu rċevew l-ebda risposta mingħand il-Ministeru, il-Kumitat tal-Evalwazzjoni bagħat ir-rapport tiegħu lill-istess Ministeru u fih taw l-informazzjoni kollha dwar kif kienu klassifikati l-kumpaniji li kienu interessati li joffri s-servizzi legali tagħhom.
Il-Ministru Chris Cardona oġġezzjona għall-mod kif kienet saret l-evalwazzjoni u ordna biex il-klassifikazzjoni tinbidel mill-ġdid. Id-deċiżjoni tiegħu kienet waħda finali.
Jirriżenja ċ-Chairman tal-Unit tal-Privatizazzjoni
Dan wassal biex iċ-Chairman tal-Unit tal-Privatizzazzjoni – Emmanuel Ellul – jirriżenja mill-kariga, filwaqt li ftit tax-xhur wara membri tal-Oppożizzjoni talbu lill-Awditur Ġenerali, tramite l-Public Accounts Committee, biex jinvestiga dan il-proċess.
Nifhmu li għalkemm Emmanuel Ellul kien qal li kien qiegħed jirriżenja mill-kariga li kellu għal raġunijiet ta’ saħħa, fil-verità il-mument jista’ jiżvela li din ir-riżenja kienet direttament marbuta mad-deċiżjoni tal-Ministru Chris Cardona li hu (Emmanuel Ellul) ma kien qabel assolutament xejn magħha.
Ordnijiet diretti jimminaw it-trasparenza
Fir-rapport tal-Kumitat Nazzjonali ta’ Awditjar li kien pubblikat f’Marzu ta’ din is-sena, dan il-Kumitat kien ikkonkluda li l-proċess li bih kienet magħżula l-azjenda legali biex toffri s-servizzi legali tagħha f’dan il-proċess, kellha numru ta’ nuqqasijiet u dawn kienu attribwiti lill-Ministeru tal-Ekonomija.
F’dan ir-rapport il-Kumitat Nazzjonali ta’ Awditjar kien ikkonkluda wkoll li l-fatt li l-Ministru biddel l-għażla oriġinali tal-Kumitat b’ordni diretta, kien qiegħed ixekkel u jimmina t-trasparenza kollha tal-proċess.
Is-sejħa għall-konċessjoni ta’ żewġ casinos
Meta llum wieħed janalizza u jevalwa l-proċess li nieda l-Gvern ta’ Jospeh Muscat għall-għoti ta’ konċessjoni ta’ casino ieħor fil-gżejjer Maltin lil kumpanija u mhux lil oħra, jislet konklużjoni waħda – proċess bizzilla li iżda jqanqal ħafna suspetti u mistoqsijiet.
Kien fl-24 ta’ Mejju tal-2013 li l-Gvern ta’ Muscat, tramite l-Unit tal-Privatizzazzjoni, ħareġ is-sejħa għall-konċessjoni ta’ żewġ casinos – wieħed f’Għawdex u l-ieħor f’Malta.
Dan il-proċess kien konkluż fil-31 ta’ Lulju tal-2013 hekk kif il-Unit tal-Privatizzazzjoni stiednet lill-ħames parteċipanti interessati fis-sejħa biex jibdew il-proċess ta’ dak li hu magħruf bħala Request for Proposals (RFP).
F’dan il-proċess għall-konċessjoni tal-casino f’Malta kienu ipparteċipaw ħames kumpaniji, fosthom Dragonara Gaming Limited, IHI Corinthia, Polidano, Eden Leisure Group u Sea Bank Hotel.
Għal skop ta’ korrettezza mal-fatti, li fl-istadju tal-Espressjoni ta’ Interess (EOI), kien hemm kumpanija waħda biss li kienet uriet interess fil-konċessjoni ta’ ftuħ ta’ casino f’Għawdex. Eventwalment ħadd ma tefa’ offerti għal din il-konċessjoni.
L-evalwazzjoni u l-kriterji għall-għażla
Il-ħames parteċipanti kienu ngħataw l-opportunità li jissottomettu l-mistoqsijiet kollha li kienu jixtiequ lill-Unit tal-Privatizzazzjoni biex hekk ikunu jistgħu jissottometti l-pjani finali tagħhom sat-13 ta’ Settembru tal-2013 bl-iskop aħħari li l-ftehim għall-konċessjoni l-ġdida f’Malta tingħalaq fil-31 ta’ Ottubru tal-2103.
Nifhmu li qabel ma kienu sottomessi l-offerti għall-konċessjoni tal-casino ta’ Malta, uħud mill-kumpaniji interessati mill-ħamsa oriġinali, kienu għamlu numru ta’ mistoqsijiet lill-Unit tal-Privatizzazzjoni, fosthom biex jistaqsu kif kienu se jiġu evalwati l-offerti u jekk kienx hemm mekkaniżmu diġà stabbilit għall-kriterji li kien hemm fl-RFP.
Fost dawn il-kumpaniji kien hemm id-Dragonara Gaming Limited li kienet talbet bl-aktar mod speċifiku informazzjoni dwar kif il-kriterji msemmija fl-RFP kienu se jkunu meqjusa mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni u Aġġudikazzjoni.
Fir-risposti tiegħu l-Unit tal-Privatizzazzjoni kien vag ħafna fuq il-metodu li kien se jintuża biex ikunu evalwati s-sottomissjonijiet tal-kumpaniji.
Ħames kumpaniji jitfgħu l-offerta rispettiva
Fit-13 ta’ Settembru tal-2013 il-ħames kumpaniji ssottomettew l-offerti tagħhom lill-Unit tal-Privatizzazzjoni. Aktar minn xahar wara – preċiżament fil-21 ta’ Ottubru tal-2013 – il-ħames kumpaniji kienu mistiedna mill-Unit tal-Privatizzazzjoni biex quddiem in-Nutar tal-Gvern jinfetħu l-offerti finali tagħhom.
Id-Dragonara bl-aqwa offerta u l-Eden Group ta’ qabel tal-aħħar
Jirriżulta li d-Dragonara Gaming Limited kellha l-aqwa offerta ta’ €4,376,505, waqt li l-offerta tal-Eden Leisure Group kienet irriżultat ir-raba’ fost il-ħames offerti, b’offert ta’ €1,250,000.
Fi Frar tal-2014, tliet xhur wara li kellu jingħalaq il-proċess kollu, il-Unit tal-Privatizzazzjoni kien informa lid-Dragonara Gaming Limited u lill-Eden Leisure Group li kienu ġew short listed minn fost il-ħames kumpaniji u talbithom biex jissottomettu preżentazzjoni lill-Kumitat Tekniku. Din il-preżentazzjoni kellha ssir fil-21 ta’ Frar tal-2014.
Konflitt ta’ interess
Jirriżulta li fi ħdan il-Kumitat Tekniku kien hemm, fost l-oħrajn, David Marshall. Dan hu persuna li kellu konflitt ta’ interess fil-proċess u wkoll kien qiegħed ikun investigat għal frodi f’casinos internazzjonali oħra, fosthom f’Ċipru fejn jidher li kien imexxi casino ewlieni li spiċċa falla.
F’dan ir-rigward id-Dragonara Gaming Limited kienet oġġezzjonat immedjatament għall-għażla ta’ David Marshall f’dan il-Kumitat u kienet talbet lill-Unit ta’ Privatizzazzjoni biex dan jitneħħa u minfloku jinħatar persuna oħra.
Żvilupp ieħor importanti seħħ fl-1 ta’ Marzu tal-2014, meta f’ittra l-Unit tal-Privatizzazzjoni nfurmat lil Dragonara Gaming Limited li David Marshall kien tneħħa mill-inkarigu li kellu f’dan il-Kumitat Tekniku.
Ta’ min jgħid li l-Kumitat Tekniku kien stabbilit biex jevalwa l-kredibbiltà tal-viżjoni li ż-żewġ kumpaniji kienu qed jissottomettu fl-offerta tagħhom dwar kif kienu qed jaħsbu li se jikber is-suq fis-snin ta’ wara – jiġifieri fl-għaxar snin li kien imiss.
Preżentazzjoni miż-żewġ kumpaniji li kienu ġew short-listed
Iż-żewġ kumpaniji – id-Dragonara Gaming Limited u l-Eden Leisure Group – għamlu preżentazzjoni quddiem il-Kumitat Tekniku, li kien immexxi mill-Imħallef Emeritu Jeffrey Valencia. F’din il-preżentazzjoni ż-żewġ kumpaniji kienu nfurmati li r-rapport konklussiv ta’ dan il-Kumitat kien se jitlesta sal-31 ta’ Marzu tal-2014.
Xhur jitħallew fl-agħma
Fix-xhur sussegwenti, hekk kif ma kien hemm l-ebda informazzjoni min-naħa tal-Unit tal-Privatizzazzjoni tant li ż-żewġ kumpaniji nifhmu li ma kienu rċevew l-ebda informazzjoni mingħand il-Unit tal-Privatizzazzjoni, id-Dragonara Gaming Limited bagħtet bosta ittri lill-Unit tal-Privatizzazzjoni biex tkun aġġornata bis-sitwazzjoni li kienet qed tiżviluppa.
Id-Dragonara Gaming Limited baqgħet ma rċeviet l-ebda risposta għat-talbiet tagħha.
L-ittri mibgħuta lid-Dragonara Gaming Ltd.
Nhar it-28 ta’ Ottubru tal-2014, ħamest ijiem biss wara li kienet approvata mill-MEPA l-applikazzjoni għall-iżvilupp infrastrutturali tal-lukanda Intercontinental f’San Ġiljan, il-Unit tal-Privatizzazzjoni informa b’żewġ ittri separati lid-Dragonara Gaming Limited li:
1.L-offerta tal-Eden Leisure Group kienet superjuri għal dik ta’ Dragonara Gaming Limited abbażi tat-taxxa tal-logħob li kienet proġettata li titħallas mill-Eden Leisure Group.
2.Li l-offerta tad-Dragonara kienet tajba biżżejjed biex il-Gvern jikkonsidra li jiftaħ diskussjonijiet mad-Dragonara Gaming Limited bl-eventwalità li kemm-il darba jintlaħaq ftehim, allura tingħata konċessjoni għal casino ieħor f’Malta – jiġifieri apparti mill-konċessjoni oriġinali f’Malta, ikun hemm konċessjoni oħra żejda.
Mistoqsijiet u dubji serji…bil-każ jispiċċa l-Qorti
Fid-dawl ta’ dan kollu il-mument illum jistaqsi lill-awtoritajiet konċernati biex jgħidu min kienu l-membri tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni u wkoll biex jgħidu jekk hux minnu li dan il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni kellu l-membri tiegħu, jew uħud minnhom, mibdula b’mod ripetut.
Dan kollu wassal biex id-Dragonara Gaming Limited, li kellha offerta ta’ tliet darbiet u nofs aktar minn dik tal-Eden, tagħmel Mandat ta’ Inibizzjoni fil-Qorti ta’ Malta kontra l-Ministru tal-Finanzi, il-Ministru tal-Ekonomija u kontra l-Unit tal-Privatizzazzjoni.
F’dan il-Mandat, id-Dragonara Gaming Limited qed issostni li l-proċess tal-għażla tal-Eden Leisure Group bħala l-preferred bidder kien wieħed ivvizzjat għaliex il-Ministeru tal-Ekonomija ma kienx osserva r-rekwiżiti mandatorji proċedurali fit-twettieq tal-għażla billi naqas milli japplika l-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, it-trattament ugwali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni.
Il-fatt li d-Dragonara għamlet offerta ta’ €4.37 waqt li l-Eden għamel offerta ta’ €1.25, juri biċ-ċar l-impenn tad-Dragonara Gaming Limited u kemm-il kumpanija emmnet fit-twettiq b’suċċess ta’ dan il-proġett.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument urew it-tħassib tagħhom li allaħares il-Gvern jibda jaġġudika t-tenders pubbliċi li jkollu quddiemu fuq bażi tal-proġettazzjonijiet futuri, fosthom proġettazzjonijiet li jridu jsiru għal perijodu ta’ għaxar snin mil-lum.
Barra minhekk ta’ min isemmi wkoll li s-suq tal-casino f’Malta fl-aħħar 20 sena kiber b’rata ta’ mhux aktar minn erba’ fil-mija. Dan mingħajr ma wieħed jieħu l-fattur tal-inflazzjoni f’dan l-istess perjodu għax inkella t-tkabbir ikun wieħed insinifikanti.
Għaldaqstant il-fatt li l-għażla tal-preferred bidder hi bażata fuq proġettazzjoni futura, hi nkwetanti, filwaqt li hemm dubji serji kemm dawn l-istess proġettazzjonijiet humiex fattibbli.
//= $special ?>